L-element bażiku tal-fiduċja ġie tradut. Li saru invoices foloz għal riklami u servizzi li ma jeżistux – dak ifisser frodi, ħasil ta’ flus. Qal dan il-Prim Ministru Joseph Muscat li f’sessjoni ta’ Q&A live fuq Facebook, irreaġixxa għall-iskema Pagi PN, fejn ġie żvelat li kien Simon Busuttil innifsu li kien qed jitlob il-flus minn negozjant biex jitħallsu l-pagi tal-ogħla uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista.
Il-Prim Ministru irrefera għal dak żvelat minn One News fil-programm Pjazza u spjega kif li partit politiku jitlob il-flus lill-kumpaniji mhijiex xi ħaġa normali kif qed jipprova jpenġiha Busuttil. Din, qal Joseph Muscat, mhijiex normali, u mhijiex aċċettabbli. Busuttil issa, wara li nqabad b’idejh fil-borża, qal li jrid jagħmel riforma.
L-istess bħalma kien inqabad Gvern Nazzjonalista li kien qed jagħti €500 fil-ġimgħa lilu nnifsu. L-istess partit li kaxkar saqajh fuq il-liġi tal-finanzjament tal-Partiti, u prova jdur magħha minnufih bl-iskema ċedoli.
Tenna li l-Kap tal-Oppożizzjoni huwa politikament falz meta jgħid li din hija sistema li wiret u li jrid jirranġaha. Kellu erba’ snin ċans, u minflok irranġaha, kien hu stess li kien imexxiha u jmur jitlob il-ħlas tal-pagi tal-ogħla uffiċjali.
Il-Prim Ministru żied jgħid li issa wasal iż-żmien li l-Kap tal-Oppożizzjoni, li mdorri jippontifika, jurina x’se jagħmel. Fl-istess waqt innota li huwa normali li l-Kummissjoni Elettorali – li hija responsabbli mill-finanzjament tal-partiti – tinvestiga dan il-każ. Il-Prim Ministru temm jgħid li s’issa nafu b’każ ta’ negozjant wieħed li kien mitlub iħallas il-pagi fi ħdan il-PN.
Jistenna issa tweġiba dwar jekk hemmx ftehimiet oħra, u jekk dawn humiex dikjarati skont il-liġi tal-finanzjament tal-partiti.
Aqra aktar: BUSUTTIL INNIFSU TALAB IL-FLUS GĦALL-PAGI