F’kollegament telefoniku fuq ONE Radio, il-Prim Ministru Dr. Joseph Muscat saħaq li huwa dejjem mexa b’mod korrett u se jkompli jżomm u jaqdi l-funzjoni ta’ Prim Ministru u jirrispetta l-uffiċċju li l-poplu Malti u Għawdxi fdalu.
B’referenza għal stejjer ivvintati dwar rigali li rċieva l-Prim Ministru, Dr. Muscat fakkar li huwa kien mhedded li kien se jkun fil-mira ta’ kampanja maħmuġa għaliex għamel dmiru bħala Prim Ministru tal-pajjiż.
“Jien kont mhedded li jekk se nagħmel dmiri u nimxi mal-pariri tal-Avukat Ġenerali u tal-Kummissarju tal-Pulizija, kont se nkun qed niġi targeted bi smear campaign, b’kampanja maħmuġa jiġifieri, fil-konfront tiegħi. Jien għamilt dmiri u dan huwa r-riżultat imma dmiri għamiltu u se nkompli nagħmlu.” Stqarr il-Prim Ministru
Il-Prim Ministru saħaq li hemm min qed jivvinta u jemmen stejjer dwar rigali.
“Meta ġew nies b’rigali li jiswew il-flus, batthom lura. Fejn ma setgħux jintbagħtu lura, dawn l-affarijiet jien ħallejthom lill-istat.” Kompla jgħid Dr Muscat
“Ħaddieħor lanqas lapes ma ħalla f’wieħed mill-uffiċċji jew residenzi tal-istat, aħseb u ara affarijiet oħra”, irrimarka Dr. Muscat.
Spjega wkoll li meta daħal fl-uffiċċju bħala Prim Ministru ma sabx rigali numerati li rċievew il-predeċessuri tiegħu meta Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea.
Intant mistoqsi dwar is-sena li ġejja, il-Prim Ministru qal li huwa dejjem ottimist li l-familji Maltin u Għawdxin se jibqgħu jgawdu mill-ġid li joħloq dan il-Gvern.
“Fl-ewwel ta’ Jannar illi ġej il-pensjonanti tagħna għandhom biex ikunu ottimisti għax mill-ewwel ta’ Jannar li ġej k’Alla jrid ħa jkunu qed jiżdiedu seba’ ewro fil-ġimgħa. Min qiegħed fuq l-għajnuna medika ħa jkollu żieda oħra. Min huwa persuna b’diżabilità u ma jistax jaħdem ħa jkollu mija wieħed u sittin ewro fil-ġimgħa, l-ekwivalenti tal-minimum wage. L-anzjani li għandhom aktar minn tmenin sena ħa tiżdidilhom l-għotja.” Saħaq il-Mexxej Laburista.
Dr. Muscat semma wkoll lill-familji li għal sena oħra mhux se jkollhom taxxi imposti fuqhom filwaqt li l-ħaddiema se jerġgħu jirċievu r-rifużjoni tat-taxxa.
Il-Prim Ministru qal li fl-elfejn u għoxrin, bi tmexxija ta’ Prim Ministru Laburista ġdid, huwa jinsab ċert li bl-għażla li għandhom quddiemhom il-membri tal-Partit Laburista, bejn Chris Fearne u Robert Abela, il-pajjiż se jibqa’ għaddej fid-direzzjoni t-tajba.