“Numru miżeru ta’ nisa ġew eletti fil-Parlament. Il-Partit Laburista naqqas in-numru ta’ kandidati nisa eletti fil-Parlament minn ħamsa għal erba’ – dan m’huwiex aċċettabbli u ma nistgħux nħalluh jgħaddi qisu ma ġara xejn. Din mhux kwistjoni politika biss iżda hija riflessjoni tas-soċjetà – nofs il-poplu mhux rappreżentat fil-Parlament.”
Kien dan id-diskors li qal il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat fl-indirizz tiegħu fil-Konferenza Ġenerali Straordinarja tal-Partit Laburista. Diskors li fih il-Prim Ministru tkellem dwar il-pjan fuq mhedda ta’ għaxar snin li se jkun qed jattwa l-Partit Laburista biex sal-2027 nofs il-kandidati tal-Partit Laburista jkunu nisa.
Hawnhekk, il-Mexxej Laburista qal li ħafna se jgħidu li dan huwa impossibbli iżda huwa fakkarhom kif dan il-Moviment huwa tal-impossibbli b’referenza għal kisbiet kbar li għamel Gvern Laburista meta ħaddieħor qal li huma impossibbli fosthom iż-żwieġ ugwali, il-pilloli out of stock u s-surplus.
Biex ifiehem lil dawk preżenti l-ħtieġa ta’ aktar nisa fil-politika l-Prim Ministru qal biex nimmaġinaw kieku fil-Parlament m’hemmx deputat wieħed li jirrappreżenta lin-nies tan-Nofsinhar ta’ Malta jew lin-nies tat-Tramuntana “l-istess nofs is-soċjetà Maltija, mhux rappreżentata fil-Parlament, dan huwa sinjali li din hija xi ħaġa li ndrat u nqisuha bħala normali u għalhekk jeħtieġ li jsir xi ħaġa.”
Huwa żied jgħid li preżentament hemm numru ta’ ostakli li bil-mandat elettorali b’saħħtu li għandu Gvern Laburista se jkunu qed jiġu megħluba b’sistema ta’ kwota tal-ġeneru għall-elezzjoni li ġejja.
Din se tkun sistema temporanja li se tgħin biex il-kultura tal-pajjiż tinbidel.
“Dan huwa sforz li se nmorru għalih b’saħħa, sforz li jekk nilħqu ftehim kmieni mal-Oppożizzjoni dwaru jkollna aktar Deputati nisa fil-Parlament d’din il-leġiżlatura stess,” tenna l-Prim Ministru.
Huwa saħaq li s-sistema ma tistax tibqa’ bħal dak antika li taħseb fil-bżonnijiet tal-Avukati iżda trid tkun sistema li tadatta għal dinja li nbidlet u tkun family-friendly.
Dan il-pjan il-Prim Ministru fdah f’idejn l-Membru Parlamentari Ewropew Miriam Dalli li stqarr li għandha l-kredenzjali neċċessarji biex il-pjan ta’ għaxar snin iħalli l-frott mixtieq.
Fid-diskors tiegħu l-Prim Ministru għamel referenza ukoll għal jum tat-12 ta’ Lulju li fi kliem il-Prim Ministru huwa eżempju ċar ta’ kif dan il-Gvern ma xebgħax mill-bidla u qed ikompli jikteb l-istorja ta’ pajjiżna. Dan b’referenza għall-abbozz ta’ liġi approvat fil-Parlament li se jkun qed iżid id-drittijiet ta’ persuni LGBTIQ bi żwieġ ugwali.
Il-Mexxej Laburista awgura ukoll lit-tliet kandidati għall-Deputat Mexxej għall-affarijiet tal-Parlament u appella lid-delegati biex jivvotaw kif jaħsbu li hu l-aħjar għaliex quddiemhom għandhom tliet għażliet tajbin ħafna.