Mitt jum ilu bdejt ħidma biex inġib lura n-normalità b’riformi li jsaħħu s-saltna tad-dritt u l-Governanza t-tajba.
Dan kien kliem il-Prim Ministru Robert Abela meta fil-ħarġa tal-Ħadd ta’ The Malta Independent tkellem dwar l-ewwel mitt jum tiegħu fit-tmun tal-pajjiż.
Ewlenin fost il-kisbiet f’dawn il-jiem kienet il-ħatra storika tal-Prim Imħallef Mark Chetcuti bi qbil unanimu bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni. B’din il-ħatra, u bil-mod kif se jinħatar il-Kummissarju tal-Pulizija l-ġdid, li għalih inħarġet sejħa pubblika din il-ġimgħa, il-Gvern qed ikompli jirrispetta r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja.
Dwar il-pandemija COVID-19 li ħasdet id-dinja kollha, il-Prim Ministru Abela qal li Malta kienet ippreparata għal din il-ġlieda kontra għadu inviżibbli. Dan grazzi għaż-żieda fl-investiment fis-settur tas-saħħa u l-ingaġġ ta’ 50% aktar ta’ infermiera.
Hawnhekk fakkar kif il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet Umani fehmet li l-Gvern ipprijoritizza s-saħħa u s-sigurtà tal-poplu l-ewwel u qabel kollox b’rabta mad-deċiżjoni tal-Gvern li ma jidħlux immigranti rregolari f’dan iż-żmien.
Il-Prim Ministru komplja jispjega kif il-pandemija COVID-19 ġabet sfidi ekonomiċi kbar, li saħansitra rriżultaw fl-akbar żieda globali tal-qgħad mill-kriżi ekonomika tat-tletinijiet. Fakkar fid-diversi għajnuniet li offra l-Gvern lin-negozji u l-ħaddiema, u li f’pajjiżi oħra dan it-tip ta’ sostenn wassal għal tnaqqis drastiku fir-rating ta’ kreditu tal-pajjiż.
Malta, b’kuntrast, rat il-Fond Monterarju Internazzjonali jiddikjara li mill-pajjiżi Ewropej kollha, Malta se ssofri l-anqas dannu ekonomiku. Dan, qal il-Prim Ministru, juri l-qlubija tal-pajjiż li kapaċi joħroġ rebbieħ minn kwalunkwe sitwazzjoni, u hawnhekk fisser il-valur tal-ħaddiem barrani li għażel li jiġġieled din il-battalja hawn Malta.
Hawnhekk irrikonoxxa l-ħidma tal-awtoritajiet tas-saħħa u l-ħaddiema kollha, mill-kbir saż-żgħir, li b’xi mod qed jaħdmu għall-ġid tal-poplu f’dan iż-żmien bla preċedent, tant li ddeskrivihom bħal r-ruħ tal-ġens Malti.
Il-Prim Ministru Abela temm jgħid li jinsab fiduċjuż li minn dan il-kapitlu se tinbena Malta aħjar, u qed iħares biex ikompli jservi l-poplu Malti u Għawdxi b’tama u kuraġġ.