F’diskors f’Ħal Qormi, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat, rringrazzja lill-mijiet ta’ Maltin u Għawdxin minn kull sfera tal-ħajja li b’rieda tajba, wara dak li ġara lbieraħ u wara d-diskors f’Għawdex għamlu kuntatt miegħu biex jgħidulu li jaqblu ma’ li qal u l-ħtieġa li dan il-pajjiż ikun wieħed magħqud.
“Għandna opportunita’ ta’ darba, opportunità storika li minn storja ta’ biża’, nistgħu niżirgħu siġra ta’ tama. Tama bil-fatti u bidla li kull waħda u wieħed minnha rridu nkunu parti minnha,” qal il-Prim Ministru u rrikonoxxa l-fatt li għalkemm l-integrazzjoni se toffri sfidi ‘l quddiem, bħala pajjiż magħqud, irridu nsolvuhom u ma nħallux problemi oħra jinqalgħu fil-futur.
Muscat sostna li meta pajjiżi oħra ffaċċjaw dak li affaċċjajna aħna, in-nies ta’ ġilda skura spiċċaw iddisassoċjati mis-soċjeta’ u mhux stmati daqs ħaddieħor.
“Irridu nifhmu lil xulxin u nintegraw. Integrazzjoni fejn ħadd ma jkun maqtugħ għalih… Min jiġi Malta, aħna rridu nifhmu l-kultura tagħhom imma huma jridu jifhmu l-kultura tagħna,” kompla l-Prim Ministru u spjega kif bħalissa għaddejjin korsijiet għall-barranin li jgħixu f’pajjiżna biex jifhmu aktar lill-Maltin.
Il-Prim Ministru fakkar ukoll “fil-mijiet jekk mhux eluf ta’ Maltin u Għawdxin li ddeċidew li jaddottaw tfal ‘suwed’. Aħna nħobbu lil dawn it-tfal daqs kull tifla u tifel ieħor. U aħna rridu li dawn it-tfal jikbru, ikollhom mhux il-mibegħda f’qalbhom iżda lil Malta f’qalbhom.
Muscat saħaq ukoll li hemm bżonn mument ta’ riflessjoni nazzjonali fuq dan kollu biex dan il-mument, fejn il-kuxjenza ta’ kull waħda u wieħed minnha, tissarraf f’ġid għal uliedna.
“Nibdew aħna nkunu l-bidla. Nammettu aħna stess li hawn ħafna minnha, jien l-ewwel wieħed, li jekk ikollok preġudizzji, trid taffaċċjahom u tara kif ħa ssewwihom għal uliedna… Ma nħallux min jiżra’ reati estremisti. Irridu nieqfu nitbissmulu ‘l dak li jkun u nirrepetu dak li jgħid ħaddieħor dan il-velenu li ilu jinxtered għal tant snin f’pajjiżna.”
B’risposta għal dawk li kontinwament jitfgħu narrativa ta’ aħna kontra huma u li pajjiżna mifqugħ bil-barranin, Muscat saħaq li “l-barranin ġew Malta biex jaħdmu ta’ spiżjara għax m’għandniex biżżejjed Maltin, ġew jaħdmu ta’ nurses biex jieħdu ħsieb lil nannti u nanntek għax m’għandniex biżżejjed Maltin.”
Tkellem fit-tul dwar kif ma nistgħux nagħlqu n-nies f’kaxxi b’mentalità ta’ aħna u huma.
“Infittxu dak li jgħaqqadna u mhux dak li jifridna… Nixtieq nagħmel dan l-appell ta’ kuraġġ għall-poplu Malti u Għawdxi li jien għandi fiduċja sħiħa fih. Aħna familji… our heart is in the right place,” qal Joseph Muscat.
Pajjiżna se jkomplu jfur bil-ġid
Il-Prim Ministru tkellem dwar il-viżjoni tiegħu li jrid jara lil uliedna jkunu aħjar minna, ma jibżgħux minn xulxin, jilqgħu d-diversita’ u jkunu kburin b’dan il-pajjiż.
“Il-missjoni tiegħi hi li nara kull Maltija u Għawdxija sinjuri żgħar f’dan il-pajjiż.”
Muscat spjega wkoll is-sinifikat qawwi li għandu x-xogħol f’pajjiżna. “Irridu nkomplu noħolqu l-ġid u x-xogħol li mingħajru ma nistgħu mmorru mkien. Aħna ħa nibqgħu l-moviment tax-xogħol.”
Il-Prim Ministru rrimarka wkoll il-kisbiet ta’ dan il-Gvern f’diversi oqsma bħall-housing soċjali, żieda lill-pensjonanti u żieda fil-minimum wage. “Qed insewwu dak li xaqqaq ħaddieħor.”
Dan kien gvern li sewwa wkoll l-inġustizzji. “Dan il-Gvern ħadd ma jiġi fuqi jgħiduli għax ħadtilna din iżda jgħiduli meta ħa ttina din, jew ma tajtnix biżżejjed jew irrid naqra aktar u dan hu tajjeb,” qal il-Prim Ministru.
Muscat sostna wkoll li ċ-ċekkijiet li n-nies qed jirċievu fid-djar mhux għax dan il-Gvern għamel xi ħaġa ħażina iżda “għal min seraq it-taxxi fuq il-karozzi, inġustizzji mal-ħaddiema tax-xatt ta’ Ħal Qormi u n-nies tal-korpi fejn qegħdin jirċievu dak li ħadilhom ħaddieħor.”
Hawnhekk, il-Prim Ministru tkellem dwar iktar ġustizzja li trid issir. Żvela kif nhar it-Tlieta li ġej, il-kabinett se japprova wkoll skema ta’ ħaddiema oħra biex ikun jista’ jwettaq ġustizzja tagħhom b’mod proporzjonali.
Għalhekk l-appell tal-Prim Ministru huwa dak ta’ pożittivita’. “Aħna mhux qrusa rridu, aħna mhux mibegħda għandna imma sens ta’pożittivita’ li anke f’dawn il-mumenti ta’ sfidi kbar, nafu li flimkien nistgħu naffaċjawhom u nirbħuhom.”
Filwaqt li Joseph Muscat faħħar ix-xogħol li l-kunsill ta’ Ħal Qormi għamel fl-aħħar leġiżlatura u awgura lill-kandidati kollha, fakkar “kif ma nistax nifhem li f’din il-lokalita’, li kien hemm żmien b’maġġoranza tal-Partit Nazzjonalista, il-Partit Nazzjonalista ma joħroġx kandidati hawnhekk. X’insult dak għall-Qriema. L-iskop huwa ċar – li jridu li l-Qriema, bħalma jridu fi 22 lokalita’ oħra, ma joħorġux jivvutaw.”
Għalhekk il-Prim Ministru ħeġġeġ biex nhar is-sibt li ġej noħorġu nivvutaw “b’pożittivita’ u b’ottimiżmu u mhux bi qrusa, b’firda jew mibegħda imma nagħtu sinjal b’saħħtu… biex nuru li verament Malta hija f’qalbna.”