Fl-attività politika f’Għawdex il-Prim Ministru kellu messaġġ ċar u b’saħħtu dwar l-għaqda li għandha tirrenja madwar il-pajjiż.
Robert Abela innota, “F’dawn l-aħħar sentejn kemm ilni Prim Ministru u Mexxej ta’ dan il-Partit, dejjem fittixt l-għaqda f’kull okkażjoni, hekk ser nibqa’ nagħmel fiż-żmien li ġej mhux biss bħala partit iżda iktar importanti bħala pajjiż. L-għaqda nazzjonali.”
Robert Abela nnota kif filwaqt li Gvern Laburista jagħmel minn kollox biex iġib l-interess tal-pajjiż l-ewwel u qabel kollox, l-Oppożizzjoni tagħmel minn kollox biex taħdem kontra Malta.
Il-Prim Ministru stqarr, “Aħna bqajna ffukati fuq it-tmexxija tal-pajjiż u bqajna maqgħudin u l-għan dejjem baqa’ wieħed; dak li naħdmu għall-pajjiż u li nġibu u nagħmlu l-ġid għal pajjiżna. Hekk konna u mhu se nibdlu xejn hekk se nibqgħu… Jekk kien hemm mument fejn reġgħet ħarġet id-differenza bejn min dejjem jaħdem fl-interess nazzjonali għal min mal-ewwel ċans li jkollu jara kif jaħdem kontra l-interess nazzjonali, reġgħu kienu l-aħħar jiem fi Strasburgu.”
Il-Prim Ministru kien qed jirreferi għall-fatt li l-Partit Nazzjonalista ma jridx li l-poplu Malti jgawdi mill-fondi Ewropej għall-proġett tal-Pipline tal-Idroġenu. Proġett nazzjonali li fi kliemu se ngawdu minnu kollha kemm aħna.
Dwar il-pandemija Robert Abela qal kif tul dawn ix-xhur il-Gvern dejjem ħadem u investa sabiex saħħet il-poplu tiġi protetta.
Saħaq ukoll li jħares ’il quddiem għax-xhur li ġejjin.
Dr Abela tenna, “Ġejja rebbiegħa li kollox qed juri li se tkun waħda tajba, jidher li ġej sajf ta’ ħafna u ħafna xogħol fejn jidħol it-turiżmu u setturi oħrajn. Il-miżuri li għandna fis-seħħ illum, huma ftit ħdejn dak li kellna fix-xhur ta’ qabel u kkumparat ma’ pajjiżi oħra huma wkoll ftit.”
Huwa tkellem ukoll dwar ir-rata għolja ta’ vaċċinazzjoni f’pajjiżna u qal li Malta qiegħda f’qagħda li mill-ewwel ġimgħa ta’ Frar tneħħi aktar restrizzjonijiet.
Dr Abela tkellem ukoll dwar il-governanza u kif din kienet pilastru ieħor fundamentali f’dawn l-aħħar sentejn.
Fil-fatt qal kif f’pajjiżna tirrenja demokrazija vibranti fejn kulħadd huwa kontabbli għal għemilu u l-istituzzjonijiet iridu jaħdmu għall-ġustizzja.
Fin-Nadur, il-Prim Ministru temm b’messaġġ ta’ serħan il-moħħ.
Hawn temm jgħid, “Dan huwa pajjiż fejn it-tfal u ż-żgħażagħ tagħna se nibqgħu nagħtuhom kemm nifilħu opportunitajiet ġodda, dan hu pajjiż li se jkompli jwieżen lill-pensjonanti tiegħu u jaħdem biex jagħti kwalità ta’ ħajja aħjar lill-pensjonanti, dan hu pajjiż li aħna għandna fiduċja fih. Għawdex u Malta se jsibuna biex nibqgħu naħdmu għalihom.”