Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li rridu nidħlu għas-sena l-ġdida b’ottimiżmu u entużjażmu, sostnuti b’serħan il-moħħ li pajjizna miexi fid-direzzjoni t-tajba.
Dr Robert Abela qal dan f’messaġġ b’saħħtu minn ġewwa l-Berġa ta’ Kastilija għas-sena l-ġdida tal-2023.
Il-Prim Ministru beda billi sostna li wara sfida tant kbira bħall-pandemija, il-Gvern ried li l-familji mhux biss ikunu jistgħu jippjanaw għas-sena li ġejja, iżda wkoll għall-futur.
Tenna kif biex dan isir, illum pajjiżna għandu pjan imġedded u magħżul mill-poplu nnifsu aktar kmieni din is-sena f’elezzjoni ġenerali.
“L-għażla tagħkom ma kinitx biss dwar partit jew ieħor, iżda kienet għażla dwar x’ġejjieni tridu għal pajjiżna. Għażiltu programm ta’ ħidma b’elf proposta biex nibnu futur sabiħ flimkien. Xejn ma jiġi mingħajr l-isfidi iżda wrejna għal darba wara oħra li bħala pajjiż kapaċi nagħrfu l-mument u ndawru l-isfidi f’opportunità.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Fil-kuntest tal-isfidi li għadda minnhom pajjiżna fl-aħħar xhur partikolarment minħabba l-gwerra u anke l-pandemija, Dr Abela sostna li l-Gvern qatt ma mar quddiem il-poplu biex jaqtagħlu qalbu.
“Filwaqt li qatt ma ppruvajna nċekknu dak li qed jiġri barra pajjiżna, qatt ma ġejna quddiemkom biex naqtgħulkom qalbkom. Fil-kuntest globali li qed ngħixu fih, f’Malta komplejna nieħdu deċiżjonijiet ħalli nagħtukom il-mezz li tkomplu tagħmlu kuraġġ għax grazzi għall-ħidma tagħkom se nibqgħu lkoll mexjin ’il quddiem.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru fil-messaġġ tiegħu, irrimarka wkoll l-importanza tal-fiduċja li kiseb pajjiżna tul din is-sena, li reġa’ lura għal normalità sħiħa.
Hawn, Dr Abela aċċenna għal rapporti ta’ istituzzjonjiet internazzjonali u indipendenti li jagħtu konferma ta’ kif il-Gvern qed iħaddem ekonomija b’saħħitha favur aktar għajnuna lill-familji.
Dan fost oħrajn b’żidiet fiċ-Childrens’ Allowance, żidiet fil-pensonijiet, għotjiet ġodda lil first-time buyers u anke lil dawk l-aktar vulnerabbli b’inizjattivi maħsuba apposta.
“It-tkabbir ekonomiku qed nużawh biex kull min jgħix f’dan il-pajjiż ikun jista’ jgħix aħjar, f’soċjetà li tħobb u f’pajjiż isbaħ li jagħraf jagħti kwalità ta’ ħajja mill-aqwa.”
il-Prim Ministru Robert Abela
B’hekk il-Prim Ministru tenna l-konvinzjoni tiegħu għat-triq ’il quddiem għal pajjiżna. Dan mhux biss għax hu għandu fiduċja f’pajjiżna iżda wkoll għax pajjiżi oħra għandhom fiduċja f’Malta.
Dan jidher ċar b’diversi sinjali fosthom dik li Malta se tibda sservi fuq il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Maqgħuda u li fl-istess waqt is-sena d-dieħla, Malta se tospità Summit li jiġbor fih il-pajjiżi kollha tan-naħa ta’ isfel tal-Unjoni Ewropea.
“Dawn huma kollha sinjali b’saħħithom ta’ kemm pajjiżna miexi fid-direzzjoni t-tajba. Huwa fuq dawn is-sinjali li rridu nidħlu għas-sena l-ġdida b’ottimiżmu u entużjażmu. Fuq kollox bis-serħan il-moħħ li Għawdex u Malta għandhom ġejjieni sabiħ fejn flimkien nassiguraw kwalità ta’ ħajja aħjar. F’ismi, f’isem Lydia u Giorgia Mae, u f’isem il-Gvern nawgura lilkom kollha, sena mill-aqwa.”
il-Prim Ministru Robert Abela