F’laqgħa mal-UĦM – Voice of the Workers, bħala parti mill-konsultazzjoni ta’ qabel il-baġit, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li r-riforma fil-liġi, li tirregola t-temping agencies, wasslet biex illum inqas minn kwart tan-numru oriġinali tal-operaturi għadhom joperaw.
F’din il-laqgħa, il-Prim Ministru fakkar kif il-Gvern baqa’ jwieżen lill-ħaddiema f’pajjiżna, permezz tal-ftehim storiku li wassal għal żieda sostanzjali fil-paga minima għas-snin li ġejjin, fost l-oħrajn.
Dr Abela semma wkoll is-sussidji fil-kriżi tal-enerġija, minħabba l-inflazzjoni fil-prezzijiet relatati tal-elettriku, il-gass u l-fjuwils, li wkoll għenu lil min iħaddem.
Jakkumpanjaw lill-Prim Ministru kien hemm il-Ministri Michael Falzon, Byron Camilleri u Clyde Caruana, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul, il-Membru Parlamentari Katya De Giovanni u l-Kap tas-Segretarjat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Mark Mallia.