F’Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela laqa’ lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, Alain Berset.
Din il-laqgħa saret hekk kif f’Mejju li ġej, Malta se tassumi l-Presidenza ta’ din l-organizzazzjoni ta’ sitta u erbgħin pajjiż Ewropew, għal sitt xhur.
Hawnhekk issemmew it-temi li se tiffoka fuqhom Malta fosthom il-ħajja demokratika, il-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal, il-promozzjoni tal-ugwaljanza, fost oħrajn.

Dwar it-tisħiħ tas-saltna tad-dritt, il-Prim Ministru nnota r-rwol tal-Kummissjoni Venezja fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa, waqt li qal li pajjiżna laqa’ rakkomandazzjonijiet importanti minn għand din il-Kummissjoni li bihom saħħaħ l-indipendenza tal-istituzzjonijiet.
Dr Abela sostna li l-Gvern kompla jimbotta riforma leġiżlattivi ambizzjużi li fihom ħadem id f’id mal-Kunsill tal-Ewropa.
Dwar l-Ukrajna, il-Prim Ministru Robert Abela qal li bħalma għamlet fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda, kif ukoll fil-Presidenza tagħha tal-OSCE, Malta ser tkompli tappoġġja lil dan il-pajjiż milqut mill-gwerra matul il-Presidenza tal-Kunsill tal-Ewropa, u tagħtih is-sostenn mistħoqq, inkluż billi tappoġġja l-isforzi differenti tal-Kunsill tal-Ewropa f’dan ir-rigward.
Il-Prim Ministru kien akkumpanjat fost oħrajn mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin Ian Borg.