Il-Prim Ministru Joseph Muscat iltaqa mal-kunsill il-ġdid tal-unjin tal-qwiebel u l-infermiera, ftit tal-jiem wara li nħatar għall-erba snin li ġejjin.
Huwa sostna li għandha ssir ħidma biex żbalji passati ma jerġawx isiru, bħal meta kien intqal li hawn biżżejjed infermiera u ġejna f’sitwazzjoni fejn kellna nġibu nies barranin.
Tenna li l-ħidma m’għandix tkun iffukata biss fuq kundizzjonijiet aħjar, iżda li jkun hemm pakkett komplut offrut lill-qwiebel u l-infermiera.
Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li diġà bdew id-diskussjonijiet bejn il-Gvern u l-unjin sabiex ikun hemm iktar titjieb fis-settur, filwaqt li rrimarka li hemm pjan sabiex jiżdied in-numru tal-infermiera b’mod sostanzjali.
Il-President tal-unjin Paul Pace, li reġa’ rritorna fil-kariga wara nuqqas ta’ ħames snin, sostna li laqgħa bħal din tawgura tajjeb għall-erba snin li ġejjin, filwaqt li ddiskutew numru ta’ aspetti li jikkonċernaw lill-unjin.