Fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela kellu laqgħa mal-Kummissarju Ewropew responsabbli mill-Budget u l-Amministrazzjoni, Johannes Hahn.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li din il-laqgħa ġiet f’perjodu fejn jaf ikun hemm reviżjoni tal-budget Ewropew sal-2027.
Hawnhekk il-Prim Ministru sostna li l-affarijiet inbiddlu minn meta kien hemm il-ftehim tal-budget Ewropew f’Lulju tal-2020, fosthom bil-gwerra fl-Ukrajna.
Intqal kif din il-gwerra fl-Ewropa waslet għal konsegwenzi tagħha, bil-kriżi tal-enerġija u l-inflazzjoni u anki l-migrazzjoni.
Hawnhekk Dr Abela sostna li għalxejn l-Unjoni Ewropea titkellem dwar valuri Ewropej, jekk ma tissapportjax lin-nies.
Sostna kif il-Gvern Malti qiegħed jagħmel dan permezz tas-sussidju fil-prezzijiet tal-enerġija, b’dawn baqgħu stabbli għall-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin.
Il-Prim Ministru saħaq li pajjiżna se jkompli jsostni t-tkabbir ekonomiku, biż-żieda fiċ-children’s allowances u anki żieda fl-istipendju biex b’hekk aktar żgħażagħ ikomplu jistudjaw.
Preżenti wkoll kien hemm il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett.