F’Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela kellu laqgħa ta’ korteżija mill-Fondazzjoni Nippon immexxija miċ-Chairman Dr Yohei Sasakawa.
Imwaqqfa fil-Ġappun aktar minn 60 sena ilu, din il-fondazzjoni tmexxi ’l quddiem inizjattivi soċjali favur is-sigurtà tal-ikel, l-edukazzjoni u s-saħħa u titkellem b’mod attiv fuq kwistjonijiet marbuta mal-ambjent marittimu. Fil-fatt il-Fondazzjoni Nippon taħdem ħafna mill-qrib mal-International Maritime Organisation, aġenzija tan-Nazzjonijiet Unit.
Il-Prim Ministru Robert Abela rringrazzja lill-Fondazzjoni Nippon għall-kollaborazzjoni sħiħa mal-IMO, li taħt l-awspiċi tagħha jaħdem l-International Maritime Law Institute, li għandu ċentru f’pajjiżna. Il-Prim Ministru rrikonoxxa interessi komuni li għandha Malta u din il-fondazzjoni Ġappuniża fosthom l-ekonomija blu.
Fil-laqgħa kien hemm preżenti wkoll il-Ministru għat-Trasport Aaron Farrugia u s-Segretarju Permanenti fi ħdan l-istess Ministeru, Godwin Mifsud.