Wara l-impenji fi New York b’rabta mal-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Maqgħuda, il-Prim Ministru Joseph Muscat żar il-belt ta’ Toronto, fil-Kanada.
Flimkien mal-Ministru għall-Ekonomija, l-Investiment u n-Negozji Żgħar Chris Cardona u rappreżentanti mill-Malta Enterprise, Dr Muscat kellu laqgħat mat-tmexxija ta’ kumpaniji li qed jikkunsidraw li jinvestu f’Malta.
Minn dawn il-laqgħat ħareġ ċar li hemm interess sinifikanti f’pajjiżna minn negozji Kanadiżi u, f’ċertu każijiet, diġà hemm ftehimet preliminari lesti biex dawn il-kumpaniji jibdew joperaw minn Malta.
Fost l-oqsma li l-iktar qed jiġġeneraw interess hemm l-industrija tal-kannabis għall-użu mediċinali fejn numru ta’ kumpaniji qed jaraw f’Malta pajjiż b’leġiżlazzjoni serja li tagħti aċċess għal suq ta’ 500 miljun persuna madwar l-Unjoni Ewropea.
Dr Muscat tkellem dwar dan ix-xogħol importanti fil-Kanada waqt laqgħa li kellu mal-komunità Maltija f’Toronto.
Il-Prim Ministru sostna li l-Gvern huwa kommess li jieħu iktar xogħol lejn Malta. Fakkar kif, meta jżur il-komunitajiet Maltin barra mill-pajjiż, dejjem jismahom jitkellmu fuq kif kienu telqu lil art twelidhom għax kien l-unika mod kif isibu xogħol.
Illum il-ġurnata, Malta mhux talli toffri xogħol lil uliedha kollha, iżda għandha bżonn il-barranin biex jimlew il-postijiet tax-xogħol li qed jinħolqu. Dr Muscat qal li dawn il-barranin qed jesperjenzaw dak li esperjenzaw il-Maltin li kienu siefru u llum qed jgħixu u jaħdmu barra.
“Il-familji tagħkom jafu kif dak iż-żmien il-Kanadiżi laqgħukom u intom sirtu tħobbu lill-Kanada wkoll. L-istess qed tagħmel Malta. Qed tilqa’ lin-nies minn madwar id-dinja biex jaħdmu f’pajjiżna u jikkontribwixxu fis-suċċess li jista jagħmel lil Maltin kollha sinjuri żgħar”, temm jgħid Dr Muscat.
Flimkien mas-Sinjura Muscat, il-Prim Ministru kellu l-opportunità li jitkellem individwalment mal-persuni kollha mill-komunità Maltija f’Toronto li attendew għal dan l-avveniment.