Fiż-Żurrieq, il-Ħadd filgħodu quddiem numru ta’ nies, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista appella u stieden lil kulħadd sabiex għada jattendu għall-attivitajiet ta’ Jum il-Ħaddiem fil-Belt Valletta.
“Ejja nkunu kburin li aħna l-partit li jġib l-għaqda nazzjonali, aħna m’aħniex il-partit li jifred u jġelled, aħna l-partit tal-għaqda. U għalhekk nistedinkom biex għada tingħaqdu miegħi fil-Belt Valletta ħalli niċċelebraw Jum il-Ħaddiem, f’ċelebrazzjoni ta’ għaqda nazzjonali ejja ħalli flimkien nibgħatu messaġġ ta’ għaqda Malta u Għawdxin Magħqudin flimkien.”
Fl-istess diskors huwa semma t-tkabbir ekonomiku li qed jesperjenza pajjiżna taħt Gvern Laburista u kif permezz ta’ dan se jkompli jinħoloq il-ġid u dan il-ġid se jkompli jitqassam lill-Maltin u Għawdxin.
Intant, il-mexxej Laburista rrimarka kif waqt li l-oppożizzjoni Nazzjonalista qed tattakka u titkellem kontra l-għajnuniet li qed tingħata, Gvern Laburista qed iwieġeb u se jkompli jwieġeb b’aktar u aktar ħidma.