Matul is-77 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda fi New York, il-Prim Ministru Robert Abela kompla b’diversi laqgħat bilaterali mal-kapijiet tal-istat u tal-Gvern.
Fi stqarrija mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru ntqal li l-għan ta’ dawn il-laqgħat huwa li jissaħħu r-relazzjonijiet ma’ pajjiżi differenti.
Fost il-laqgħat, il-Prim Ministru Malti kellu laqgħa bilaterali mal-President tal-Jemen, Dr Rashad Mohamed Ali Al-Alimi.
Hawnhekk id-diskussjoni ffukat fuq ir-rwol ta’ Malta fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda s-sena d-dieħla, b’Dr Abela qal li Malta hija impenjata li f’ħidma mal-pajjiżi kollha li jiffurmaw parti mill-Kunsill biex tassigura r-rispett għar-regolamenti internazzjonali.
Żied jgħid li Malta tappoġġja l-isforzi ta’ paċi mmexxija min-Nazzjonijiet Magħquda fil-Jemen, u enfasizza l-ħtieġa li l-partijiet kollha, inklużi ċ-ċittadini tal-Jemen, jidħlu fi proċess inklussiv lejn il-paċi u l-istabbiltà.
F’laqgħa bilaterali bejn il-President tal-Ekwador, Guillermo Lasso Mendoza u l-Prim Ministru Robert Abela, iż-żewġ pajjiżi qablu li se jkunu qed jaħdmu flimkien bħala membri eletti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda bejn l-2023 u l-2024.
Id-diskussjoni ffukat fuq il-prijoritajiet komuni, fosthom l-aġenda fuq il-paċi u s-sigurtà, is-sigurtà tal-klima u li jinżammu bħala prijorità soluzzjonijiet paċifiċi għat-tilwim.
Il-Prim Ministru nnota ukoll ir-rabtiet kordjali bejn iż-żewġ pajjiżi u enfasizza li Malta hija miftuħa biex iżżid u ssaħħaħ ir-relazzjonijiet bilaterali.
F’laqgħa li saret mal-President tal-Ghana Nana Addo Dankwa Akufo-Addo, ġew enfasizzati r-rabtiet b’saħħithom bejn Malta u l-Ghana, partikolarment f’oqsma bħal kummerċ u t-turiżmu.
Ġiet indirizzata ukoll il-possibbiltà għal titjiriet diretti bejn iż-żewġ pajjiżi. Il-Prim Ministru Robert Abela qal li jħares ’il quddiem għal kollaborazzjoni kontinwa kemm bilateralment kif ukoll multilateralment.