Iridu nisimgħu u niddiskutu modi ġodda ta’ kif nistgħu ninkludu iktar l-preżenza u s-sehem tal-mara fil-politika.
Stqarr dan il-Prim Ministru Joseph Muscat waqt diskors li għamel fil-laqgħa ġenerali tan-Nisa Laburisti li saret fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista tal-Ħamrun.
Il-Prim Ministru wera x-xewqa tiegħu li dawn il-proposti konkreti ikunu finaliżatti sa tmiem din il-leġizlatura biex imbagħad jiġu preżentati lill-elettorat fl-elezzjoni li jmiss.
Indirizza lil dawk preżenti d-deputat mexxej tal-Partit Laburista Chris Cardona fejn fakkar kif il-partit Laburista kien minn tal-ewwel biex jagħti d-dritt tal-vot lill-mara, ħlas lin-nisa daqs l-irġiel għall-istess xogħol, il-ħatra tal-ewwel Ministru mara, l-ewwel Speaker mara u l-ewwel President tar-Repubblika mara.
Cardona qal li għandna nkunu lkoll kburin li dan il-Partit kien dak il-Partit Politiku li mill-Gvern irnexxilu jiddetta l-istorja f’dan is-settur filwaqt li żied li meta n-nisa jagħtu kontribut sħiħ lis-soċjetà, il-benefiċċji ma jkunux biss għan-nisa, imma għas-soċjetá kollha.