F’attività politika minn taħt it-tinda fil-lokalità tal-Mosta l-Prim Ministru Joseph Muscat beda billi fakkar lil dawk li kienu preżenti u li bdew isegwu li fadal biss sebat ijiem biex bħala poplu ngħamlu l-għażla tagħna, għażla li rridu naraw fejn irridu mmorru bħala pajjiż. Dik li jekk nieqfux nofs triq jew jekk bħala poplu rridux nimxu flimkien mal-Prim Ministru “f’din it-triq li mbarkajna erba’ snin ilu.”
Fakkar kif dan il-Gvern wettaq 90% ta’ dak kollu li ġie mwiegħed fejn għall-ewwel darba kien hawn Gvern li żamm lilu nnifsu responsabbli u li mhux tefa’ l-manifest elettorali fuq l-ixkaffa iżda wettaq dak li wiegħed.
Spjega kif erba’ snin ilu dan il-Gvern wiret pajjiż mid-djun dan hekk kif dak li beda jintnefaw ma kienx qed jieħu xejn lura. Muscat qal li erba’ snin ilu konna nafu li kien hemm problemi, iżda ma kinux jafu bil-kobor tagħhom. Fejn fl-ewwel ġimgħa ta’ Gvern kulħadd beda jiġi bi problema wara oħra. Spjega kif meta xi ħadd mill-Ewropa qal li wara li falliet Ċipru kien imiss l-Islovenja u Malta kien hemm xokk fis-sistema finanzjarja iżda mhux talli li l-pajjiż ma falliex, talli “fqajna lill-pajjiż bix-xogħol.”
Muscat qal li bħala Gvern ħadmu b’tali mod li ma qatgħux qalbhom u li minflok għolleq il-kontijiet u t-taxxi kif kienu qalulhom li se jagħmlu, sar il-kontra. Sostna kif mhix sitwazzjoni faċli meta tkun tnejn jew tliet persuni li tirċievi pariri bil-miktub biex dak li wiegħedu m’għandux isir, iżda minflok “terfa’ din r-responsabbiltà fuq spallejk.” Il-Prim Ministru qal li erba’ snin ilu kellhom għażla li ma jwettqux l-manifest elettorali iżda minflok iffaċċjaw id-difikultajiet u “ssaħħaħna u iktar għamilnihom u wettaqnihom waħda wara waħda.”
Meta darba minnhom Brussel bagħat għall-Gvern u qallu li hemm bżonn li togħla t-taxxa b’€40 miljun, irsistew u talbuhom biex jagħtuhom ċans biex jirranġaw l-affarijiet. Kien hemm li qalulhom li l-Gvern preċedenti sena wara oħra kien jgħid l-istess, iżda qatt ma jsir xejn. Dwar dan il-Prim Minsitru qal li huma qalulhom li se jagħtu sentejn probation, u dan il-Gvern wera kif sena wara oħra mhux talli naqqas id-defiċit iżda talli għamel surplus għall-ewwel darba fl-istorja ta’ dan il-pajjiż. Muscat qal li fil-waqt qabel l-Unjoni Ewropea kienet tibgħat lista twila sena wara oħra ta’ x’għandu xi jsir fil-pajjiż, illum il-ġurnata, taħt dan il-Gvern, qed iħabblu moħhom biex jaraw x’se jagħtu lill-pajjiż – u dan kien possibbli “għax inżommu kelmtna.”
Il-Prim Ministru qal li dan is-suċċess hu possibbli għax bħala Gvern jaf fejn sejjer u jaf li qed jaħdem b’nies li huma kompetenti fejn qal li dan il-Gvern għandu l-iktar tim ekonomiku u finanzjarju kompetenti ta’ kull żmien. Tim ta’ ekonomisti u esperti fil-qasam finanzjarju bl-aqwa nies, tant li meta dan it-tim ikun Brussell, ftit li xejn ikun hemm affarijiet li ħaddieħor jista’ jgħid li għamilhom aħjar.
Spjega kif l-ekonomija jagħmluha n-nies u dan għax iħossuha huma fejn il-maġġoranza tal-Maltin jafu jgħarfu li ilu ma jkun hawn ekonomija daqstant b’saħħitha, daqstant flus fil-bwiet.
Muscat ta eżempju dwar kif ikun ix-xenarju ta’ Gvern immexxi minn Simon Busuttil bħala Prim Ministru, ostaġġ ta’ Marlene Farrugia, fejn flimkien ikissru l-postijiet tax-xogħol. Sostna li għalkemm nidħqu, dwar din ma nistawx niċċajtaw.
Il-Prim Minsitru semma kif is-surplus li kiseb il-pajjiż permezz tat-tmexxija ta’ dan il-Gvern ma sarx għax il-Gvern ixxaħħaħ, iżda għax xammar il-kmiem u beda jaħdem biex jirranka l-ekonomija. Semma dwar kif ilbieraħ ħarġet statistika li wriet kif fl-ewwel kwart tas-sena l-pajjiż diġà jisnab €21 miljun minn fuq. Dan kien possibbli għax dan il-Gvern għandu pjan ċar dwar kemm jiswa l-programm, programm li hu kkalkulat u mhux bħal ħaddieħor fejn ma kinx kapaċi jaqbad kalkulatur u jikkalkula b’mod sempliċi billi jagħmel il-homework dwar il-programm elettorali tiegħu stess. Din turi l-irresponsabbiltà ta’ dawn in-nies li se jkunu qed idaħħlu l-instabbiltà u jipperikolaw il-postijiet tax-xogħol.
Semma kif dan il-partit negattiv baqa’ jtambar fuq l-istess ħaġa u fil-waqt li l-Prim Minsitru qal li se jġorr ir-responsabbilta ġaladarba jinstab xi ħjiel li hemm xi verità dwar dak li ntqal dwar martu u hu, hu se jkun qed jirreżenja – iżda dan ma jistax jingħad l-istess jekk jisntab li Busuttil kien qed jigdeb. Sostna li hu lest li jitlaq għax m’għandux minn xiex jibża’, għax jaf li qed jgħid il-verità.
Il-Prim Minsitru semma dwar wara li lbieraħ waqt id-dibattitu fuq il-programm Xarabank Busuttil qallu li mhux sew li jkollu persuni b’kumpaniji barra minn Malta, iżda meta l-Prim Ministru qallu li hu stess għandu persuni b’kumpaniji barra mill-pajjiż – u qallu li kien Mario De Marco – il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li m’għandux problema għax dan kien iddikjaraha.
Muscat qal li bħala Prim Ministru hu dejjem ħa deċiżjonijiet li jiffavorixxu l-ewwel u qabel kollox il-pajjiż, anke jekk għal dan irid iħallas il-prezz politiku.
Semma kif meta Busuttil qallu biex ikeċċi lin-nies għax qed jiġu investigati, hu qallu biex ikeċċi lil Beppe Fenech Adami li dwar dan l-Kap tal-Oppożizzjoni qallu li każ magħluq. Iżda kien hawn li l-Prim Ministru rrispondieh u qallu li fir-rapport li sar minn tliet Maġistrati hemm envelope issiġilat, li għalkemm ma rreferiex għalih għax ma jħossx li kellu għalfejn, idejquh l-affarijiet meta persuna tilgħaba li hi nadifa meta hi ipokrita.
Muscat semma kif fil-waqt li Busuttil kien kellem lil De Marco u qallu li ma jistax ikun konsulet ta’ DB Group dan għax ikun hemm kunflit ta’ interess, Simon Busuttil meta kien Viċi Kap kellu klijent tal-kumpanija li tiddilja fiż-żejt.
Kien hawn li l-Prim Ministru qal “nistaqsih, kemm ħadt commission fuq dawk il-€5 miljuni? biex tiskonġra trid tkun pur u għalekk m’hemmx kredibilità. Għalkemm aħna m’aħniex perfetti, aħna nitgħallmu mill-iżbalji.”
Kien hemm li l-Prim Ministru temm id-diskors tiegħu billi appella għall-għajnuna biex “naħdmu flimkien fis-sebat ijiem li fadal. Noħorġu flimkien biex nivvutaw għall-kandidati kollha tal-Partit Laburista,” u dan għax l-aqwa żmien ta’ pajjiżna għadu ġej.