Il-Prim Ministru Robert Abela qal li jekk, minkejja x-xogħol kollu li sar tul is-snin, ikun hemm imqar qtil wieħed bħal tal-bieraħ, dan ifisser li ma jkunx sar biżżejjed. Il-Prim Ministru kien qed jikkummenta mal-ġurnalisti meta kien qed iwieġeb domandi b’rabta mal-qtil ta’ Bernice Cassar.
“Kien għalhekk li lbieraħ ħtarna minnufih inkjesta ministerjali, li se tiffoka fuq żewġ binarji, biex tidentifika jekk kienx hemm nuqqasijiet jew le u, jekk kien hemm, ifissirx li dan il-każ setax ġie evitat jew le,” qal il-Prim Ministru, li nnota kif in-numru ta’ rapporti dwar vjolenza domestika fl-aħħar snin żdiedu.
Huwa nnota x-xogħol li jsir kemm mill-unit speċjalizzata fil-Pulizija kif ukoll mill-Qrati, iżda żied li għalih huwa inaċċetabbli ċertu dewmien. “Mhux qed ngħid li m’hemmx rimedji interim, u minn dak li jien infurmat f’dan il-każ, minkejja li l-każ ġie appuntat fit-tul, kien hemm talba interim u din ġiet milqugħa. Imma, xorta waħda, li jkollok każ appuntatat sena u disa’ xhur, sena u nofs wara, għalija mhux aċċettabbli,” qal il-Prim Ministru. Huwa fisser kif il-Gvern huwa impenjat li jagħti r-riżorsi meħtieġa lill-qrati.
“Il-Prim Imħallef talabna numru ta’ mħallfin. Talabna wkoll numru ta’ maġistrati, u dawk allokajnihom kollha. Jiġifieri bħalissa hemm proċess miftuħ u, milli jien infurmat, wieħed mill-maġistrati l-ġodda se jkun assenjat għal każi ta’ vjolenza domestika. Bħalissa hemm maġistrat waħda u dik mistennija titla’ għal tnejn,” spjega l-Prim Ministru.