Il-Prim Ministru Robert Abela għażel il-membri tal-kabinett li se jkomplu t-tieni parti ta’ din il-leġislatura li se jkun fih il-Prim Ministru u sbatax-il Ministru u tmien segretarji parlamentari. It-tliet deputati Laburista nisa se jkollhom irwol fil-kabinett, tnejn bħala Ministri u oħra Segretarju Parlamentari. Żewġ deputati minn tlieta Għawdxin se jkollhom issa rwol ta’ Ministru.
Iċ-ċerimonja tal-ġurament tal-ħatra tal-membri tal-kabinett saret fis-sala tal-Ambaxxaturi fil-Palazz il-Belt.
L-ewwel li ngħata l-ġurament kien id-deputat Prim Ministru Chris Fearne fejn ġie kkonfermat bħala ministru għas-saħħa. F’kastilja jassisti lill-Prim Ministru Robert Abela se jkun hemm Carmelo Abela bħala ministru responsabbli mill-aġenda tal-iżvilupp sostenibbli tan-Nazzjonijiet Magħquda, id-djalogu soċjali u implimentazzjoni tal-manifest elettorali.
Il-Ministru veteran Evarist Bartolo ħa l-ġurament tal-ħatra bħala Ministru għall-Affarijiet Barranin li miegħu se jkollu lil Stefan Zrinzo Azzopardi bħala Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej.
Il-Professur Edward Scicluna ġie kkonfermat bħala ministru għall-Finanzi. Fil-Ministeru tiegħu se jservi għall-ewwel darba Clayton Bartolo bħala Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji u l-ekonomija diġitali’
Il-Ministeru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma għadda f’idejn il-Ministru Michael Farrugia waqt li l-Ministeru għall-Edukazzjoni għadda f’idejn il-Ministru Owen Bonnici li miegħu se jkollu lil Clifton Grima li se jibqa’ Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet Volontarji.
Il-Ministru Jose Herrera se jkun responsabbli ta’ Ministeru ġdid dak tal-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali.
Il-Ministru Ian Borg ġie kkonfermat bħala Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali li miegħu se jibqa’ jservi Chris Agius bħala Segretarju Parlamentari għall-Artijiet u l-Kostruzzjoni.
Justyne Caruana ġiet ikkonfermata Ministru għal Għawdex. Michael Falzon ġie wkoll ikkonfermat Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali. Miegħu se jkollu lil Silvio Parnis bħala Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u l-Persuni b’Diżabilità.
Bidla fit-tmexxija tal-Ministeru għall-Ġustizzja li għadda f’idejn il-Ministru Edward Zammit Lewis li se jkun responsabbli wkoll tal-oqsma tal-Ugwaljanza u l-Governanza. Miegħu se jkollu lil Rosianne Cutajar, wiċċ ġdid fil-Kabinett li ħadet il-ġurament bħala segretarju parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi.
Fil-kabinett ta’ Abela bosta Segretarji Parlamentari ġew elevati għal Ministru fosthom Rodrick Galdes li ġie elevat għal Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali, Silvio Schembri li ġie elevat għall-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar, Julia Farrugia Portelli li ġiet elevata għal Ministru għat-Turiżmu, Aaron Farrugia li ġie elevat għal Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-klima u l-Ippjanar u Clint Camilleri li ġie elevat għall-Ministru għall-Politika Agrarja u Sajd, Drittijiet tal-Annimali u Protezzjoni tal-Konsumatur. Ma’ dan tal-aħħar Deo Debattista se jibqa’ jservi bħala segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Indafa Pubblika.
Fil-kabinett daħal ukoll għall-ewwel darba Dr Byron Camilleri li ħa f’idejh il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-liġi li miegħu se jkollu s-Segretarju Parlamentari Alex Muscat, wiċċ ġdid ukoll fl-eżekuttiv, li se jkun responsabbli mill-oqsma taċ-ċittadinanza u l-komunitajiet.