Fil-kapitali tal-Awstrija, Vjenna, il-Prim Ministru Malti Robert Abela kellu laqgħa bilaterali mal-Kanċillier Awstrijak, Karl Nehammer.
Fost it-temi li ġew diskussi f’din il-laqgħa kien hemm ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi, is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani u fl-Ukrajna, l-oqsma tal-gaming u tal-farmaċewtika, fost oħrajn, l-isfida tal-migrazzjoni u d-diskussjonijiet fuq livell ta’ Unjoni Ewropea.
Il-Prim Ministru Robert Abela fisser il-bażi soda tar-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi, li għandha sservi biex Malta u l-Awstrija jkomplu jsaħħu l-koperazzjoni għal aktar opportunitajiet li minnhom igawdu l-popli taż-żewġ pajjiżi.
F’kummenti lill-ġurnalisti, wara l-laqgħat mal-Kanċillier Awstrijak, il-Prim Ministru Abela tenna dwar l-importanza tad-djalogu quddiem l-isfidi globali, kemm fl-Ewropa kif ukoll fil-Mediterran.
“Kemm hemm prinċipji li naqblu fuqhom. Tlaqna mill-punt tan-newtralità. Il-fatt li aħna ż-żewġ pajjiżi nħaddnu dan il-prinċipju tant għażiż tan-newtralità u non-allinjament, ma jfissirx li aħna ċassi meta għandek kwistjonijiet jaħarqu bħal dak li ġara bejn l-Ukrajna u r-Russja u issa fil-Lvant Nofsani. Fil-fatt aħna nħaddnu prinċipji ta’ newtralità attiva. Ħaddimna dak il-prinċipju meta bdiet il-gwerra fi Frar tal-2022 u l-istess mod, issa fil-Lvant Nofsani użajna dak l-istess prinċipju biex nimbottaw tema tant oħra għażiża għalina, li hi dik tal-paċi u hi t-tema tal-paċi li mbagħad wasslitni biex il-konferenza tal-aħbarijiet nimbottaw ’il quddiem il-messaġġ li nemmen li għandu jkun hemm waqfien mill-ġlied permanenti tal-ġlied fil-Lvant Nofsani.”
Prim Ministru Robert Abela
Dwar is-settur tal-gaming, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li hu ta’ prijorità tibqa’ l-integrità u s-saħħa tal-ġurisdizzjoni Maltija, f’settur li pajjiżna kien pijunier fih, tant li fassal qafas legali robust anke fir-remote gaming aċċessibbli fis-suq waħdieni tal-Unjoni Ewropea.
Dr Abela qal li operaturi liċenzjati f’pajjiżna se jibqgħu jitħarsu minn sfidi legali bla bażi, filwaqt li spjega li l-għan ta’ emenda legali għas-settur tal-gaming, li għaddiet lejn nofs din is-sena, hu li jipproteġi b’mod ristrett kontra proċeduri li ma jirrispettawx il-prinċipju Ewropew ta’ suq ħieles, iżda l-istess emenda ma tipprekludix azzjonijiet legali f’każ ta’ ksur fil-liġi tal-gaming.
Il-Prim Ministru tkellem dwar is-settur tal-farmaċewtika u anke dwar il-migrazzjoni. Dwar dan tal-aħħar, il-Prim Ministru Robert Abela tenna li l-koperazzjoni strateġika tal-Unjoni Ewropea għandha tkompli wkoll tissaħħaħ f’reġjuni oħrajn, fosthom fil-Mediterran, ma’ pajjiżi fl-Afrika ta’ Fuq f’setturi importanti bħall-enerġija.
“Mal-Kanċillier Awstrijak kellna l-opportunità li niddiskutu temi bħall-kummerċ u tara li hemm opportunitijiet ta’ kummerċ, fosthom fil-farmaċewtika li huma importanti ferm għaż-żewġ pajjiżi, relazzjonijiet fuq livell Ewropew, anke issa fil-jiem li ġejjin għandna l-Kunsill Ewropew u hemm ukoll temi ta’ importanza li jolqtu partikolarment liż-żewġ pajjiżi, l-immigrazzjoni. L-Awstrija għandha wkoll pressjonijiet migratorji li mhumiex żgħar, issofri minn pressjonijiet migratorji b’għexerien ta’ eluf kull sena.”
Prim Ministru Robert Abela
Għal dawn il-laqgħat, il-Prim Ministru Malti kien akkumpanjat mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Ian Borg, il-Ministru għall-Ekonomija, Silvio Schembri, u l-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri.