Fl-ewwel jum ta’ Ottubru, ingħata bidu għas-sena forensi fil-Qrati ta’ Malta, fejn f’awla numru 22 u fil-preżenza tal-ġudikatura kollha u l-ogħla awtoritajiet, il-Prim Imħallef Mark Chetcuti wassal id-diskors li jagħmel ta’ kull sena.
Fost il-ħafna temi li mess magħhom, il-Prim Imħallef tkellem dwar il-ħidma li ma taqta’ xejn tal-maġistrati u mħallfin, bil-każijiet u appelli dejjem qed jiżdiedu.
Chetcuti kellu kliem ta’ tifħir u ringrazzjament lejn il-Gvern, f’isem il-ġudikatura għal pakkett ġdid ta’ kundizzjonijiet li ġie nnegozjat u miftiehem mal-Assoċjazzjoni tal-Ġudikatura wara li xi żmien ilu kien intemm il-ftehim preċedenti.
Hu laqa’ wkoll b’sodisfazzjon is-sejħa tal-Ministru tal-Ġustizzja biex il-maġistratura jkollha dawk li jissejħu court attorneys, li jkunu assenjati full-time ma’ kull maġistrat biex jgħinu fir-riċerka u fl-abbozzar ta’ sentenzi, fost l-oħrajn.
Ġie nnotat ukoll kif il-Gvern kien ħareġ sejħa biex jiġu appuntati erba’ maġistrati ġodda ħalli jkun hemm aktar minn fejn jintagħżlu fl-assenjar tal-inkjesti. Fil-fatt dan l-iżvilupp seħħ u minn Frar ta’ din is-sena bdew jiġu trasferiti l-inkjesti l-antiki ftit ftit lil dawn il-maġistrati u fl-1 ta’ April bdew jieħdu l-inkjesti.
Dr Chetcuti kellu appell biex jissaħħu r-riżorsi tal-Qrati, fosthom fejn jidħlu deputati reġistraturi.
Bħalma jiġri kull sena, indirizza s-seduta speċjali l-President tal-Kamra tal-Avukati, Peter Fenech.
Filwaqt li nnota l-ħidma siewja li ssir mill-maġġoranza tal-bank tal-ġudikatura, Fenech qal li hemm numru żgħir ta’ maġistrati li ma jimxux sew skont id-dmirijiet. Fil-fatt semma kif hemm dawn il-waħdiet, li ma jmexxux l-awla kif supost u hemm oħrajn li jdumu ħafna biex jagħtu digrieti jew sentenzi f’ħinijiet effiċjenti.
Hu kellu wkoll kliem iebes għall-mod kif inhu mqassam il-kors tal-liġi fl-Università u kif jeħtieġ isirlu ristrutturar biex fil-Qrati tagħna jkollna avukati ta’ kwalità, bi prattika serja.
Wera wkoll is-sodisfazzjon li issa hemm maġistrati inkwerenti u li l-ġudikatura se tingħata l-court attorneys.
L-Avukat Fenech appella wkoll biex jiġu riveduti t-tariffi li jingħataw l-avukati.
Preżenti fl-awla, kien hemm il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono, il-Prim Ministru Robert Abela, l-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia, il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.
Sadanittant, fil-bidu tas-seduta, l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin innota b’dispjaċir li ma tħallewx jidħlu l-fotografi u l-camerapersons tal-midja u, wara li ntalbet spjegazzjoni mill-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati, ġie informat li d-deċiżjoni ttieħdet mill-Prim Imħallef.