F’diskors importanti fil-ftuħ uffiċjali tas-sena tal-Qorti, il-Prim Imħallef Mark Chetcuti nnota li l-emendi Kostituzzjonali fosthom il-metodu ġdid ta’ ħatra tal-ġudikatura, kompla jagħti iżjed indipendenza lill-ġudikanti.
F’awla tnejn u għoxrin, quddiem il-President ta’ Malta George Vella, il-Prim Ministru Robert Abela, il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, il-Prim Imħallef innota kif il-pandemija ġabet sfidi kbar.
Huwa innota kif l-indipendenza tal-ġudikanti hija pilastru essenzjali sabiex is-sistema ġudizjarja tibqa’ twassal għal ġustizzja.
Qal, “L-indipendenza tal-ġudikatura kienet dejjem essenzjali għall-osservanza tal-prinċipji kostituzzionali ta’ pajjiżna u l-emendi ricenti tal-2020 fil-Kostituzzjoni komplew isaħħu u jibnu fuq l-indipendenza tal-ġudikatura imbegħda minn kullindħil partikolarment fil-fażi daqshekk delikata u importanti tal-għażla tal-membri tagħha.”
Il-Prim Imħallef nnota wkoll kif f’deċiżjonijiet li jkunu ta’ interess pubbliku jew imissu mal-ambitu politika wieħed jistenna li jkun hemm kritika.
Hawnhekk tenna wkoll dwar ir-responsabilità li għandhom ikollhom il-membri tal-istampa b’riċerka sinċiera tal-verità.
Huwa innota kif il-Gvern qed jagħti l-appoġġ tiegħu sabiex jkunu indirizzati ċertu diffikultajiet tal-ġudikatura.
Stqarr kif madankollu issa hemm bżonn ta’ azzjoni ħolistika li tindirizza dawn l-isfidi kollha.
Il-Prim Imħallef Mark Chetcuti tenna li hemm bżonn pont bejn il-ġudikatura u l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali b’riforma sħiħa fil-proċess tal-inkjesti.
Hawnhekk propona li jkun hemm dipartiment separat mgħammar bl-apparat kollu u bl-esperti forensiċi.
Imdawwar bil-ġudikanti, il-Prim Imħallef qal kif m’għandux dubju li l-ġudikatura ser tibqa’ pilastru tad-demokrazija u istituzzjoni ta’ servizz.
Intant fl-istess ċerimonja fil-Qorti wara quddiesa kkonċelebrata minn Monsinjur Arċisqof Charles Scicluna fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-President tal-Kamra tal-Avukati Dr Louis De Gabriele tkellem dwar il-prinċipju fundamentali tas-sigriet professjonali li għandu jkun segwit minn kull persuna fil-professjoni, anke skont il-kodiċi tal-etika.
Qal, “Xi ġrajjiet li seħħew dan l-aħħar u li huma fid-dominju pubbliku għaliex kienu rappurtati fil-midja ġabu din il-materja taħt skrutinju importanti, u huwa f’dan il-kuntest li l-Kamra jidhrilha li għandha tintervjeni biex tassigura li dritt fundamentali bħal ma huwa dak tas-sigriet professjonali ma jkunx mittiefes.”
Huwa stqarr ukoll li wasal iż-żmien sabiex il-professjoni jkollha qafas regolatarju ġdid.
Huwa tkellem ukoll dwar l-importanza li jkun biss avukat li ottjena l-mandat li jeżerċita l-professjoni li jkollu dritt ta’ udjenza quddiem il-Qrati.
Fl-istess jum li fih fetħet is-sena tal-Qorti, ONE News żar kamra ġdida fil-bini tal-Qorti fejn fiha l-ġudikanti ser ikunu jistgħu jiddiskutu affarijiet b’tema legali b’mod informali bejniethom.
Qalet, “Issa ser inkomplu bi pjan fejn ħa nirristrutturaw il-binjiet tagħna fejn ovjament ħa naraw li ikunu qrati aktar aċċessibbli kemm għall-ġudikanti, kemm għall-klijenti tagħna u kemm ukoll għall-avukati u l-impjegati tagħna biex ikunu jistgħu jaħdmu f’ambjent aħjar.”