Sa tliet snin oħra disa’ membri mill-bank tal-Ġudikatura b’mod partikolari imħallfin se jkunu temmew il-karriera tagħhom bl-età u dan mistenni jkun l-akbar tibdil li qatt sar f’daqqa fil-Ġudikatura.
Qal dan il-Prim Imħallef Joseph Azzopardi fid-diskors tiegħu fil-bidu tas-sena forensi. Qal li jekk togħla l-età tal-irtirar tal-ġudikatura din tista’ sservi sabiex ma’ jintilifx il-kontribut ta’ nies li jkunu għadhom jifilħu għax-xogħol u jagħtu servizz tajjeb.
Kompla jgħid kif dan jista’ jservi ukoll biex ikun jista’ jsir pjan fit-tul għas-sostituzzjoni ta’ minn jirtira, xi ħaġa li teħtieġ żewġ terzi tal-Kamra tar-Rappreżentanti.
Fid-diskors tiegħu l-Prim Imħallef għamel referenza għal dawk li jikkumentaw fuq il-mezzi soċjali fil-konfront tal-ġudikatura.
Fakkar kif il-membri tal-ġudikatura ħadu ġurament li permezz tiegħu wegħdu lealtà lejn ir-Repubblika u l-Poplu ta’ Malta, u għalhekk il-ġudikanti huma assikurati mill-indipendenza fil-mod kif jiġu ġġudikati l-kawżi.
Konxju mis-sens dispregjattiv b’reazzjoni għal deċizjoni li ttieħdet mill-Qrati, Azzopardi qal li jaf bil-limitazzjonijiet tal-Ġudikatura Maltija, bħal ma għandu kullħadd.
Madankollu żid kif il-Ġudikatura Maltija ma hijiex inferjuri għal ebda ġudikatura fid-dinja, fejn ma jfissirx li d-deċizjonijiet tal-Qrati ma jistgħux ikunu kkritikati imma din il-kritika trid issir b’sens u b’ċertu għarfien tal-prinċipju bażiċi tal-ġustizzja.
Il-Prim Imħallef Azzopardi tkellem ukoll dwar il-Vjolenza Domestika, qal li l-emendi sostanzjali li saru fl-ambitu tal-liġi tal-vjolenza domestika wasslu biex tista’ tgħid kull ferita fuq il-persuna anke jekk mhux bilfors ġejja minn vjolenza domestika għax diffiċli jagħmel distinzjoni, twassal għal kumpilazzjonijiet li kienu se jweħħlu l-qrati tal-Maġistrati.
Għalhekk fuq dan l-aspett ħatar lill-Maġistrat Audrey Demicoli bħala Maġistrat Anzjan.
Huwa qal kif l-aħħar sena waħda ta’ sfida għal qorti hekk kif żdiedet il-kumplikazzjoni kbira ta’ għadd ta’ inkjesti diffiċli li jirrikjedu ż-żmien u dan kien ta’ ostraklu għall-Maġistrati kkonċernati li kellhom jibqgħu għaddejjin xorta bix-xogħol normali tagħhom.
Għad-diskors tal-President tal-Kamra tal-Avukati George Hyzler li tkellem dwar l-att tal-liġi li jirregola l-Avukati, il-Prim Imħallef qal jaqbel ma’ att bħal dan, sabiex il-professjoni ta’ Avukat tkun ippratikata b’mod aħjar.
Huwa esprima d-diżappunt tiegħu għal mod kif numru żgħir ta’ Avukati f’xi drabi jerġgħu jitolbu smigħ ġdid wara li joħorġu tellifin jew inkella jtawlu l-kawża meta jaraw li ser joħorġu telliefa. Qal kif f’każijiet bħal dawn għandu saħansitra jkun hemm sospensjoni tal-warrant bħal ma’ jiġri f’pajjiżi oħra.
Il-President tal-Kamra tal-Avukati Dr. Hyzler qal kif dwar l-att ta’ liġi li jirregola l-professjoni leali saret l-aħħar laqgħa mal-Ministru Owen Bonnici u issa l-ballun jisnab f’idejn l-avukat ġenerali li għandu jirrevedi l-abbozz li sar biex jiġi preżentat lill-Kabinett tal-Ministri.
Il-Prim Imħallef temm japella sabiex it-trasferiment tal-Qorti ta’ Għawdex minn ġewwa ċ-Ċittadella għal barra ssir kemm jista’ jkun malajr sabiex jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-impjegati f’dan il-Qorti.
Iċ-ċerimonja bdiet b’quddiesa fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, iċċelebrata mill-Arċisqof Charles J. Scicluna. L-Arċisqof appella lill-avukati sabiex ikunu qrib in-nies, li jkunu hemm għal minn għandu bżonn il-faraġ, il-kunsill u d-dawl.