Il-Prim Imħallef Silvio Camilleri se jkollu jastjeni milli jisma’ każ minħabba l-possibilità li ma jkunx imparzjali fil-ġudizzju tiegħu f’ każ ta’ ksur ta’ drittijiet fundamentali.
Dan peress li l-Prim Imħallef kien serva ta’ Avukat Ġenerali u għalhekk l-uffiċju tiegħu serva ta’ prosekutur fil-każ ta’ Emanuel Camilleri li qatta’ diversi xhur il-ħabs b’ rabta ma’ abbuż sesswali meta bintu xehdet falz kontrih.
Peress li Emanuel Camilleri qed jappella mid-deċizjoni tal-Qorti ta’ Prim Istanza dwar ksur tad-dritt fundamentali ta’ smigħ xieraq, u d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, il-każ kien se jinstema’ quddiem il-Prim Imħallef, għalhekk talab li dan jastjeni.
Il-Qorti Superjuri ppreseduta mill-Prim Imħallef stess, l-Imħallef Giannino Caruana Demajo u l-Imħallef Noel Cuschieri laqgħu t-talba imressqa minn Emanuel Camilleri.
Dan għaliex il-qorti nnotat li d-dokumenti użati mill-prosekuzzjoni fil-każ ta’ Camilleri ħarġu minn għand l-Avukat Ġenerali, li għalkemm seta’ jagħti l-każ li qatt ma ra d-dokumenti personalment, kellu x’jaqsam, anka indirettament mal-każ.