Il-prijoritajiet tan-nies għandhom jirriflettu fl-aġenda tal-Unjoni Ewropea għall-ħames snin li ġejjin.
Dan kien il-messaġġ li għadda l-Prim Ministru Malti Robert Abela lill-midja qabel ma’ ħa sehem fil-konsultazzjoni dwar l-aġenda strateġika.
Fi Vjenna, flimkien ma’ Malta, kien hemm mexxejja Ewropej li huma dawk tal-Awstrija, tal-Latvja, ta’ Ċipru, tad-Danimarka, tas-Slovakkja u tas-Slovenja.
Din il-konsultazzjoni qed issir fuq inizjattiva tal-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel, fi tmiem il-ħames snin ta’ din il-leġiżlattura Ewropea u qed isiru fi gruppi bejn il-mexxejja Ewropej.
“Is-soċjal kruċjali hemmhekk, il-paċi – ninsabu f’mument importanti ferm fejn nemmen li l-enfasi fuq il-paċi hi ewlenija, imbagħad hemm ukoll setturi oħrajn bħall-enerġija, it-trasport, is-saħħa. Nemmen li dawk għandhom ikunu l-prijoritajiet u laqgħa bħal tal-lum naturalment ttina dik l-opportunita biex anki bħala pajjiż nimbottaw ’il quddiem dak li nemmnu aħna, għandhom ikunu dawk il-prijoritajiet.”
F’kumment lill-midja, Dr Abela semma eżempju ċar meta l-Unjoni Ewropea kienet viċin in-nies, dak waqt il-pandemija.
“Hemmhekk rajna Ewropa b’saħħitha, li rat x’kienu l-prijoritajiet tan-nies, jiġifieri s-saħħa tan-nies, l-importanza li nsaħħu l-ekonomija, nippriservaw l-ekonomija mix-xokkijiet. Hemhekk fejn verament rajt Unjoni Ewropea tiffunzjona u kienet qed tisma mill-prijoritajiet tan-nies.”
Din il-laqgħa saret ġimgħa qabel il-mexxejja Ewropej, fosthom il-Prim Ministru Robert Abela jiltaqgħu għal Summit informali tal-Kunsill Ewropew fi Brussell.