Malta ppreżentat il-prijoritajiet tagħha, fid-dawl li mill-ewwel ta’ Frar, se tkun fit-tmun tal-Presidenza tan-Nazzjonijiet Uniti għal xahar sħiħ.
Dan hekk kif Malta għandha siġġu mhux permanenti fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.
F’konferenza tal-aħbarijiet, jum qabel Malta ma jkollha l-Presidenza, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ian Borg qal li dan se jkun żmien storiku għall-pajjiżna, fejn Malta se twassal il-messaġġ ta’ paċi u sigurtà madwar id-dinja.
Il-Ministru Borg qal li waħda mill-prijoritajiet huwa s-suġġett tat-tfal waqt li jkunu f’kunflitt armat. Hawnhekk tfal li kienu f’kunflitti armati u jinsabu għall-ażil f’pajjjiżna se jwasslu l-messaġġ tagħhom.
Prijorità oħra se tkun dik tal-klima u l-oċeani, hekk kif bħalissa d-dinja qed tiġġieled it-tibdil fil-klima u ż-żieda fil-livell tal-baħar, li jaffettwa gżejjer żgħar madwar id-dinja.
Temi oħra huma dik dwar l-irwol tan-nisa fil-paċi u s-sigurtà u anki dik tal-litteriżmu; l-importanza tal-edukazzjoni waqt kunflitti.
Il-Ministru Ian Borg qal f’dan iż-żmien jista’ jkun hemm tibdil minħabba żviluppi li jistgħu jinqalgħu fid-dinja, fosthom il-gwerra fl-Ukrajna.
“Hija importanti ħafna, naħseb li hija opportunità illi l-Gvern Malti għat-tieni darba bħal ma kellu fl-1983 u l-1984, dawk is-sentejn, 40 sena ilu. Issa reġa’ jmissna li nagħtu l-kontribut tagħna. Qegħdin hemmhekk biex inservu l-komunità internazzjonali, it-tema tal-gwerra Ukrena żgur li se tkun qegħda tingħata l-prijorità assoluta minnha u mill-kumplament ta’ dawk li jaħsbuha bħalna, fosthom il-membri l-oħrajn tal-Unjoni Ewropea.”
Hawnhekk il-Ministru għall-Affarijiet Barranin ippreżenta l-programm ta’ ħidma li hemm skedati f’dan ix-xahar.
Fost dawn hemm attività dwar iż-żieda fil-livell tal-baħar, fejn hawnhekk se jkunu mistiedna Ministri ta’ gżejjer stati żgħar li qed jintlaqtu minn dan il-fenominu. Apparti minn hekk, se jkun hemm dibattitu dwar l-ewwel anniversarju mill-gwerra fl-Ukrajna, fejn se jkun hemm preżenti wkoll pajjiżi li huma affettwati minn din il-gwerra.
“Li żġur hemmhekk se nkunu qegħdin nagħtu t-tmexxija tagħna illi dejjem titmexxa bil-prinċipji illi s-soluzzjonijiet mhumiex il-gwerrer, is-soluzzjonijiet mhumiex il-kunflitti, imma d-djalogu u allura l-prinċipji li dejjem sawru l-politika internazzjonali ta’ pajjiżna.”