Ħmistax ‘il bogħod mill-elezzjonijet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali, il-Prim Ministru ffoka l-interventi tiegħu fir-Rabat fuq l-investiment li ħabbar aktar kmieni llum f’Ta’ Qali biex Malta jkollha l-ewwel Park Nazzjonali f’Malta.
Tkellem kif il-Maltin draw li dan il-Gvern iġib l-investiment biex joħloq impjiegi ġodda u biex joħloq il-ġid. Iżda dan il-Gvern għaraf li bit-tkabbir fil-ġid, il-prijoritajiet tal-Maltin u l-Għawdxin inbidlu.
Spjega mill-ġdid kif il-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali se jinkorpora aspetti naturali bħall-park tal-Inwadar, u anke aspetti fiżiċi u sportivi bħal parks oħra għall-familji.
Dan ovvjament beda bit-twaqqigħ ta’ fabbrika industrijali antika biex tnejn u ħamsin tomna ta’ art jingħaqdu maż-żona ta’ Ta’ Qali. Dan se jinkludi trakka għall-ġiri, żoni għall-mixi u r-roti, u anke se jitħalla post għall-Arkvji Nazzjonali ta’ Malta li hemm il-ħsieb li jimxu għal din iż-żona wkoll.
B’kollox il-Park Nazzjonali ta’ Malta se jkun kbir daqs tlieta u sittin grawnd tal-futbol. Dan, fi kliem il-Prim Ministru qed jagħti sinjal ċar li l-Gvern qed jirrealizza l-bżonn ta’ aktar spazji miftuħa, tant li din il-ġimgħa stess tħabbar ukoll li ż-żona f’Birżebbuġa li kienet identifikata għall-estensjoni tal-Port Ħieles se tintuża għal proġett ta’ afforestazzjoni. B’dawn iż-żewġ proġetti se jinżeraw mitt elf siġra oħra madwar il-pajjiż.
Dan apparti li semma wkoll il-proġett ta’ tisfiq tal-mina ta’ Santa Venera kif kien oriġinarjament ippjanat. Dan se jnaqqas it-tniġġis, u se jifdal 13-il tomna art li l-Gvern se jdawwar fi spazju miftuħ għar-residenti taċ-ċentru ta’ Malta.
Għalhekk dan il-Gvern qed jagħmilha ċara li qed jagħraf li l-prijorità numru wieħed tal-familji, u allura tal-Gvern, hija il-kwalità tal-ħajja.