Ħmistax-il priġunier fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin qed jaħdmu fuq xejn inqas minn elfejn souvenir li se jingħataw lid-delegati li jiġu f’pajjiżna matul dawn is-sitt xhur ta’ Presidenza. Dan f’workshop tal-arti u d-disinn bħala parti mis-sistema edukattiva tal-priġunieri fl-istess faċilità.
Kien is-sid ta’ Heritage Homes, il-kumpanija li qed tipprovdi l-materjal għal dan ix-xogħol, li ssuġġerixxa li x-xogħol isir mill-priġunieri – biex it-tifkira jkollha valur miżjud.
Il-gardjola tal-Isla u l-bieb tal-Parlament fil-Palazz tal-Gran Mastri huma żewġ disinni fost bosta li sabu ruħhom fuq plattini żgħar bojod, li b’dettall perfezzjonist qed ikunu rappreżentati f’tifkira kkulurita li tfakkar lil gżiritna. Araw dan fil-filmat.