Minkejja ż-żieda fil-prezzijiet tal-petrol u d-diesel imħabbra mill-Enemed illum, sforz żieda fil-prezz internazzjonali taż-żejt, il-prezzijiet f’Malta tal-petrol u d-diesel baqgħu 3ċ u 5ċ irħas mill-medja Ewropea, rispettivament.
Il-prezz internazzjonali taż-żejt li, fil-bidu tas-sena kien €47-il barmil, issa tela għal €57-il barmil, jiġifieri żieda ta’ 21% fl-aħħar seba’ xhur. Filwaqt li madwar l-Ewropa l-prezzijiet tal-petrol u d-diesel għolew diversi drabi, f’Malta baqgħu stabbli għal iktar minn sena.
Matul dan l-istess perjodu, il-prezz tal-petrol fl-Unjoni Ewropea bħala medja kien €1.43, jiġifieri 7ċ aktar għoli mill-prezz f’pajjiżna. L-akbar distakk fil-prezz seħħ f’Ottubru 2018 u f’Mejju 2019 fejn il-prezz tal-petrol fl-Unjoni Ewropea kien 13ċ ogħla minn dak f’Malta.
Anke bil-bidla mħabbra llum fil-prezz tal-petrol f’Malta, il-prezz f’pajjiżna huwa 3ċ orħos mill-medja Ewropea.
Min-naħa l-oħra, matul is-sena li għaddiet, il-prezz tad-diesel fl-Unjoni Ewropea bħala medja kien €1.36, iġifieri 13ċ aktar għoli minn pajjiżna. L-akbar distakk kien f’Ottubru u f’Novembru 2018 fejn il-prezz tad-diesel fl-Unjoni Ewropea kien 20ċ ogħla minn dak f’Malta.
Anke bil-bidla mħabbra llum fil-prezz tad-diesel f’Malta, il-prezz f’pajjiżna huwa 5ċ orħos mill-medja Ewropea.
Tajjeb jingħad li, mindu nbidel il-Gvern fl-2013, il-prezz tal-petrol u d-diesel naqas b’10ċ u bi 12ċ rispettivament; jiġifieri tnaqqis ta’ 7% fil-prezz tal-petrol u tnaqqis ta’ 9% fil-prezz tad-diesel.
Dan il-Gvern huwa kommess li jkompli jaħdem għal stabbilità favur il-konsumaturi Maltin u Għawdxin.