Inqas minn mitt kilometru ’l bogħod, fil-pajjiż ġar tagħna, l-Italja, il-prezzijiet tal-fuels reġgħu għolew għal darb’oħra fi spazju ta’ ftit ġimgħat, bil-piż ikompli jaqa’ kompletament fuq iċ-ċittadini.
Il-gazzetta Il Fatto Quotidiano ddeskriviet il-prezzijiet il-ġodda bħala stratosferiċi, dan hekk kif f’ċerti pompi tal-petrol, bħal dawk fit-Tramuntana, għolew għal żewġ ewro u tnejn u sebgħin ċenteżmu kull litru.
Dan hu l-ekwivalenti tad-doppju tal-prezz f’pajjiżna, fejn il-petrol illum jinbiegħ għal ewro u erba’ u tletin ċenteżmu kull litru, waqt li għad-diesel il-konsumatur Malti jħallas ewro u wieħed u għoxrin ċenteżmu għal kull litru.
Ovvjament, f’pajjiżna, il-konsumatur Malti m’għandu xejn mill-piżijiet imposti fuq il-ġirien tagħna u oħrajn fl-Unjoni Ewropea, ladarba baqa’ jgawdi l-istess prezzijiet stabbli ta’ dawn l-aħħar snin, grazzi għall-interventi tal-Gvern li mill-bidu tal-Gwerra fl-Ukrajna assorba hu kull daqqa fiż-żidiet.
Għal kull litru petrol fl-Italja, f’pajjiżna tixtri żewġ litri u ftit aktar. Bħala eżempju, kull darba li jimtela tank tal-petrol tal-vettura f’pajjiżna, ċittadin Taljan irid iħallas iżjed mid-doppju għall-istess ammont ta’ litri ta’ fuel.
ITALJA: €2.72 (LITRU) | MALTA: €1.34 (LITRU) |
differenza kull litru – €1.38ċ
Il Fatto Quotidiano nnota kif fl-Italja, fejn is-suq hu wieħed liberalizzat, dawn il-prezzijiet huma għal pompi magħrufa bħala ‘self-service’, għax f’każ li sewwieq ta’ vettura jkun servut minn ħaddiema tal-pompa, il-prezzijiet saħansitra jqarrbu t-tliet ewro għal kull litru.
L-istess jista’ jingħad għad-diesel li fl-Italja qed jinbiegħ għal żewġ ewro u sittin ċenteżmu fil-litru.
F’termini tanġibbli, dawn il-prezzijiet ifissru li, biex persuna timla karozza medja ta’ familja, trid tonfoq xejn inqas minn mija u sitta u tletin ewro, meta f’pajjiżna karozza simili tiswik biss sebgħa u sittin ewro.
ITALJA: €136 | MALTA: €67 |
Il-gazzetta tattribwixxi l-problema taż-żidiet f’dawn il-prezzijiet li qed iniżżlu għarkupptejhom lill-Italja u pajjiżi oħrajn Ewropej għal miżuri li ġew adottati mill-gvernijiet rispettivi.
Il-pompi fl-Italja ġew obbligati jesponu b’mod ekwu l-prezz medju tal-fuels fil-pajjiż, biex is-sewwieqa jkunu jistgħu jqabblu sew il-prezzijiet li qed ikollhom iħallsu f’pompi ta’ kumpaniji privati differenti.