It-Tnejn, il-prezzijiet tal-gass fl-Ewropa splodew ’il fuq bi 30 fil-mija.
Irrapporta dwar dan is-sit awtorevoli tal-aħbarijiet Reuters. L-aġenzija fakkret li dan qed iseħħ wara li r-Russja ħabbret li mhux se tissupplixxi l-gass lejn il-kontinent Ewropew permezz tal-pipeline Nord Stream 1 li huwa, fil-fatt, l-akbar pipeline tal-gass lejn l-Ewropa.
Dan ifisser li, mal-mument li fetaħ is-suq għall-ewwel darba minn mindu ħarġet l-aħbar li r-Russja mhix se tissupplixxi l-gass lejn l-Ewropa, il-prezz tal-gass għola b’€272 għal kull megawatt fis-siegħa.
Fil-fatt, fis-suq Olandiż virtwali tal-gass, meqjus bħala s-suq primarju għall-prezzijiet tal-gass fl-Unjoni Ewropea, il-prezz tela’ għal madwar €256: ċifra li tikkonferma kif, meta mqabbel mas-sena li għaddiet, il-prezzijiet tal-gass splodew għal kważi 400 fil-mija aktar.
Quddiem dan kollu, il-Ministri tal-Enerġija Ewropej mistennija jiltaqgħu ftit tal-jiem oħra sabiex jiddiskutu t-triq ’il quddiem sabiex din l-isfida tal-prezzijiet tal-enerġija dejjem jogħlew, tiġi miġġielda b’mod effettiv.
Il-Kanċillier Ġermaniż Olaf Scolz il-Ħadd sostna li l-Ġermanja, li hija meqjusa l-akbar konsumatur tal-gass fl-Ewropa, mistennija twaqqaf kompletament il-konsenji tal-gass tagħha barra l-pajjiż.
Fil-fatt, fil-Ġermanja numru ta’ kumpaniji tal-manifattura bdew iwaqqfu l-produzzjoni tagħhom minħabba ż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija kkawżata mill-gwerra li qed tiddomina fl-Ukrajna.
Intant bħalissa l-Ġermanja, f’ġirja kontra l-ħin, qed tinstalla terminals tal-gass naturali likwifikat, magħruf aħjar bħala LNG, sabiex tkun tista’ tilqa’ għandha gass minngħand produtturi oħrajn.
Fl-istess waqt, qed tippjana li tibni faċilitajiet permanenti għal-LNG.