Inqas minn mitt kilometru ’l bogħod, fil-pajjiż ġar tagħna, l-Italja kompliet ix-xejra ’l fuq fil-prezz medju tal-fuels, tant li jinsab qrib id-doppju f’pajjiżna fejn baqa’ ma nbidilx, grazzi għas-sussidji li l-Gvern Malti ilu joħroġ mill-bidu tas-sena li għaddiet.
F’aġġornament dwar il-prezzijiet tal-fuels fl-Italja, fejn is-suq hu liberalizzat, jirriżulta li l-prezzijiet mill-pompi tal-petrol self-service għolew għal iżjed minn żewġ ewro fil-litru, piż li qed ikomplu jerfgħu ċ-ċittadini.
Il-prezzijiet jerġgħu jogħlew kemm-il darba s-sewwieqa Taljani ma jinqdewx waħedhom biex jimlew il-vettura u jitolbu lil tal-pompa biex jimlihielhom.
Il-prezz medju fl-Italja jfisser qabża ta’ sitta u sittin ċenteżmu fuq il-prezz f’pajjiżna, fejn il-petrol illum baqa’ jinbiegħ għal ewro u erbgħa u tletin ċenteżmu kull litru, waqt li għad-diesel il-konsumatur Malti jħallas ewro u wieħed u għoxrin ċenteżmu għal kull litru.
F’termini tanġibbli, dawn il-prezzijiet ifissru li, biex persuna timla karozza medja ta’ familja, trid tonfoq xejn inqas minn mitt ewro, meta f’pajjiżna karozza simili tiswik sebgħa u sittin ewro.
B’reazzjoni għaż-żieda fil-prezzijiet tal-fuels, il-Ministru tan-Negozju Taljan, Adolfo Urso, issa qed iwiegħed għajnuna speċifika għas-sewwieqa waqt il-Kunsill tal-Ministri li jmiss.
Ovvjament, il-konsumatur Malti m’għandu xejn mill-piżijiet imposti fuq il-ġirien tagħna u oħrajn fl-Unjoni Ewropea, ladarba baqa’ jgawdi l-istess prezzijiet stabbli ta’ dawn l-aħħar snin, grazzi għall-interventi tal-Gvern, immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela, li mill-bidu tal-Gwerra fl-Ukrajna assorba hu kull daqqa fiż-żidiet.
Dan mhux biss fil-fuels fil-pompi tal-petrol, iżda saħansitra fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma, u dawk għal ċilindri tal-gass.
Ir-riżultat kien li n-nuqqas ta’ tali piżijiet ma kellhomx riperkussjonijiet anċillari fuq dak kollu li jmiss mal-ħajja fil-gżejjer tagħna.
L-uniku wieħed li baqa’ kontra tali sussidji hu l-Partit Nazzjonalista ta’ Bernard Grech.