Bejn Jannar tas-sena l-oħra u Jannar ta’ din is-sena, il-prezz tal-enerġija għola kullimkien madwar il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, ħlief f’Malta.
Dan ħareġ minn statistika ppubblikata mill-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-Eurostat.
L-ogħla żieda rreġistrata fil-prezzijiet tal-enerġija fl-Ewropa kienet fil-Belġju, fejn hawnhekk, f’sena l-prezz tal-enerġija żdied bi kważi 70%.
Isegwi l-Belġju kien hemm l-Olanda b’żieda ta’ kważi 60%, waqt li fil-Litwanja kien hemm żieda ta’ 43%.
Il-medja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea kienet ta’ 27%, waqt li f’Malta matul tnax-il xahar ma ġiet irreġistrata l-ebda żieda fil-prezzijiet tal-enerġija.
F’pajjiżi bħall-Italja kien hemm żieda ta’ madwar 40%, fil-Lussemburgu aktar 30% u fi Franza u l-Ġermanja żieda ta’ madwar 20%.
Filwaqt li ma’ Malta, l-inqas li kellhom żieda fil-prezzijiet tal-enerġija kienu l-Kroazja u l-Portugall.
Darba wara oħra, il-Prim Ministru Robert Abela ta l-garanzija tiegħu, li jiġri x’jiġri, il-prezzijiet tal-enerġija f’pajjiżna se jibqgħu stabbli.
Anki fis-sitwazzjoni ta’ żidiet kbar minħabba l-invażjoni Russa fl-Ukrajna.
Qal, “Kif fl-istess waqt qegħdin nsegwu sew il-kwistjoni tal-prezz tal-materja prima li tintuża fil-produzzjoni tal-enerġija, jiġifieri primarjament iż-żejt u l-gass naturali.”
Din l-istatistika ġiet ippublikata wara li statistika tal-Eurostat uriet ukoll kif il-prezzijiet tal-fjuwil għolew fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea ħlief f’Malta.
Dan hekk kif il-Gvern Malti qed jerfa’ l-piż tas-sisa tal-fjuwil biex anki hawn, il-prezzijiet tal-fjuwil baqgħu stabbli.