Il-fatt li f’Malta u Għawdex il-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwil baqgħu stabbli meta madwar l-Ewropa splodew ‘il fuq, ġie, għaliex il-Gvern ħadem b’għaqal u ħa ħsieb il-familji Maltin u Għawdxin.
Dan qalu l-Prim Ministru Robert Abela meta f’kollegament telefoniku fuq ONE Radio lejlet il-budget, fejn innota kif madwar l-Ewropa l-prezzijiet tal-elettriku u tal-fjuwils għolew waqt li hawn Malta baqgħu stabbli.
Huwa stqarr: “Ħarsu lejn il-prezz tal-enerġija u tal-petrol u d-diesel. Kellek splużjoni ‘l fuq fil-prezzijiet ta’ dawn il-prodotti tant essenzjali. Dawk tal-enerġija, kurrent elettriku u fjuwils. Dawn ma tistax tgħaddi mingħajrhom għax huma essenzjali għall-ħajja ta’ kuljum. Xi ħaġa li f’pajjiżna rnexxielna nikkontrollaw. Ma ġietx b’kumbinazzjoni. Ġiet għax konna bilgħaqal.”
Hawn il-Prim Minstru spjega li s-sostenibbiltà fil-pajjiż hija kruċjali għal dan l-Gvern, tant li llum għandna biss terz tal-ammont ta’ persuni f’ċaħda materjali severa li kien hawn fl-2012. Riżultat li għalkemm hu tajjeb, il-Prim Ministru qal li mhux se jwaqqaf il-Gvern mill-ħidma tiegħu, inkluż fil-pjan li se jkun ippreżentat għall-2022.
Dr Abela sostna: “Is-sostenibbiltà finanzjarja tal-pajjiż għalina, naturali li hi importanti. Daqstant ieħor hu importanti x-xogħol u l-qagħda tal-familji Maltin u Għawdxin. Meta tara dan kollu li għamilna, għax ħadna ħsieb il-familji, jekk kellna nżommu l-kejl ta’ meta Malta daħlet fl-Unjoni Ewropea, illum għandna l-anqas rata ta’ faqar u esklużjoni soċjali minn mindu bdiet tinġabar l-istatistika.”
Ara wkoll: