Kawża tal-attakki mill-ajru fuq wieħed mill-akbar produtturi taż-żejt fl-Arabja Sawdija, fl-aħħar sigħat il-prezz taż-żejt kompla jisplodi ‘l fuq. Dan qed iseħħ hekk kif dan ir-reġjun kien kostrett iwaqqaf kompletament u b’mod indefinit il-produzzjoni taż-żejt li tammonta għal madwar 5% tal-produzzjoni dinjija.
Fil-fatt matul il-jum tat-Tnejn il-prezzijiet taż-żejt mhux raffinat raw żieda ta’ aktar minn 10% u issa żejt qed jinbigħ għal aktar minn $66 l-barmil.
Bil-għan li l-prezz ma jkomplix jiżdied bla rażan, il-President Amerikan Donald Trump awtorizza sabiex tinfetaħ ir-riserva strateġika taż-żejt bil-għan li żżomm is-suq għaddej bl-aktar mod stabbli f’każ li jkun hawn in-nuqqas.
Permezz ta’ Tweet Trump qal ukoll li ta struzzjonijet lil numru ta’ aġenziji sabiex iħaffu fil-ħruġ ta’ permessi għall-pipe lines taż-żejt bejn numru ta’ stati Amerikani fosthom f’Texas.
Dan l-attakk bla preċedent fuq l-infrastruttura tal-Arabja Sawdija kompla jheżżeż ir-relazzjonijiet bejn numru ta’ pajjiżi fosthom l-Istati Uniti u l-Iran. Dan seħħ wara li aktar kmieni, s-Segretarju tal-Istat Amerikan Mike Pompeo, saħaq li l-moħħ wara dan kollu kien l-Iran u spjega li l-Istati Uniti għandha l-provi kollha dwar dan.
Filwaqt li l-Iran baqa’ jiċħad l-involviment tiegħu, grupp tal-militanti Houthi mill-Yemen ħa r-responsabbiltà iżda l-Amerika baqgħet issostni li għandha biżżejjed provi fosthom ritratti li l-attakk ġie mill-Iran. Hawnhekk Trump hedded b’ritaljazzjoni meta permezz ta’ Tweet qal li l-Istati Uniti tinsab lesta sabiex tattakka.
Dan il-grupp ta’ militanti li għandu s-sostenn tal-Iran ilu għal dawn l-aħħar ħames snin jiġġieled kontra koalizzjoni li l-Gvern tal-Yemen għandu mal-Arabja Sawdija.
Minn naħa tagħha r-Russja akkużat lill-Istati Uniti li qed tgħaġġel meta qed timplika lill-Iran f’dan l-attakk. Fil-fatt meta kien mistoqsi mis-CNN, il-kelliem għall-Kremlin Dmitry Peskov saħaq li huma qed iħarsu lejn din l-eskalazzjoni b’mod negattiv u li ma kinux se jaċċettaw konklużjonijet mgħaġġla li jistgħu ikomplu jiddistabbilizzaw lir-reġjun.
Intant, it-Tnejn waranofsinhar rapporti fil-midja Iranjana bdew jgħidu li l-pajjiż kien għadu kif issekwestra tanker li kien qed iġorr mal-kwart ta’ miljun litru ta’ fjuwil lejn l-Arabja Sawdija.
It-tanker inħataf waqt li kien qed ibaħħar fil-Golf tal-Persja u qed jiġi rrappurtat li l-ekwipaġġ ittieħed lejn il-provinċja Iranjana ta’ Hormozgan fejn qed jiġu interrogati mill-awtoritajiet Iranjani.