Jidher li l-kriżi fil-prezzijiet tal-enerġija fl-Ewropa se tkompli hekk kif il-prezz tal-gass naturali fl-aħħar xahar żdied bi 30%.
Bit-temperaturi kesħin matul din ix-xitwa jibqgħu jippersistu, djar u negozji użaw ħafna aktar gass minn dak previst u fil-pajjiiżi tal-Unjoni Ewropea r-riservi niżlu għall-medja ta’ 48.8% li skont figuri ta’ Gas Infrastructure Europe huma ħafna anqas minn dak li suppost ikunu matul dan iż-żmien.
Normalment il-provisti tal-gass jibdew jimtlew matul ix-xhur tar-rebbiegħa u s-sajf meta d-domanda tkun anqas u l-prezzijiet aktar baxxi, iżda din is-sena is-suq qed jagħmel din l-istrateġija diffiċli.
Meta r-Russja fl-2022 naqqset drastikament il-provista tal-gass fil-pipelines, Brussell kien impona miri stretti għall-provisti fejn l-Istati Membri riedu jimlew ir-riservi tagħhom mill-anqas b’90% sa Novembru. Dawn il-miżuri se jiskadu fl-aħħar tas-sena għalkemm il-Kummissjoni Ewropea wisq probabbli se tkun qed tipproponi t-tiġdid tagħhom.
Il-prezz tal-gass se jkun qed jiddependi ħafna mit-temp fix-xhur li ġejjin iżda wkoll jekk jintlaħaqx ftehim ta’ paċi bejn ir-Russja u l-Ukrajna li jista’ jfisser aktar provisti mir-Russja li potenzjalment isarraf fi tnaqqis tal-prezzijiet.