Iż-żieda ta’ kważi 9% fil-prezz internazzjonali taż-żejt wara li pajjiżi produtturi taż-żejt iddeċidew li jnaqssu l-provvista, kienet tfisser żieda fil-prezzijiet tal-enerġija f’Malta kieku l-Gvern Malti ma ħax id-deċiżjoni favur l-istabbiltá.
Il-Prim Ministru spjega li kieku ma saritx il-qalba għall-gass, jiġifieri proġett tal-enerġija li permezz tiegħu qtajna d-dipendenza tal-ekonomija Maltija minn fuq il-prezz taż-żejt, mil-lum il-kontijiet tad-dawl u l-ilma setgħu żdiedu b’10%.
L-OPEC, l-organizazzjoni tal-pajjiżi li jesportaw iż-żejt, ħadet d-deċiżjoni f’laqgħa fi Vienna. Laqgħa li r-riżultat tagħha kien wieħed mistenni wara li s-Sawdi Arabja, membru ewlieni tal-OPEC, qalet li kienet lesti taċċetta tnaqqis fil-produzzjoni tagħha. Anke r-Russja qablet li tonqos il-produzzjoni.
Dan kollu issa jimpatta fuq il-kontijiet tal-enerġija. Iżda, mhux f’Malta jekk kemm-il darba l-poplu jibqa’ jagħżel il-pjan tal-enerġija tal-Gvern ta’ Joseph Muscat. B’kuntrast, l-Oppożizzjoni għamlitha ċara iktar minn darba li trid li l-prezz tal-enerġija jinbidel skont il-prezz internazzjonali taż-żejt.
Il-Prim Ministru tenna li fiċ-ċirkostanzi l-isfida tista’ tkun il-prezz tal-fuel. Prezz li żgur se jibqa’ stabbli sal-aħħar tas-sena għax il-gvern hawn ukoll igarantixxa stabbiltá. Issa wieħed irid jara r-realtá fl-ewwel xhur tas-sena d-dieħla.
Il-provvista taż-żejt se tkun qed tinbidel fl-ewwel xhur tas-sena, iżda fi kliem il-Prim Ministru l-Gvern se jkun qed jagħmel dak kollu possibli biex ikun hemm l-inqas impatt possibli għall-poplu Malti u Għawdxi. Il-Prim Ministru qal li l-aħbar tajba hija li minkejja li kienu l-pajjiżi b’saħħithom tad-dinja li ddeċidew li jgħollu l-prezz taż-żejt kważi b’10%, il-poplu Malti u Għawdxi se jibqa jgawdi minn kontijiet tad-dawl u l-ilma orħos.