Il-prezz tad-deheb tela’ għal livelli rekord b’investituri qed ifiċċu komodità sigura hekk kif il-gwerra ekonomika bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina kompliet tintensifika.
Il-Ġimgħa, l-ishma Ażjatiċi ħadu daqqa l-isfel b’dawk ta’ Nikkei jaqgħu b’aktar minn 4%. Il-Ħamis, l-innegozjar fuq l-ishma Amerikani wkoll naqqas, fejn ħassar parti mhux ħażin mill-gwadann storiku tal-ġurnata preċedenti.
Kmieni l-Ħamis, il-White House iċċarat li ċ-Ċina filfatt kienet qed tiffaċċja tariffi ta’ 145% hekk kif il-125% iddikjarati minn Trump kienu addizzjonali għall-20% dazju diġà eżistenti fuq il-kwistjoni tal-fentanyl.
Madankollu, il-President Amerikan kien kunfidenti li għad jista’ jinnegozja ftehim maċ-Ċina, meta qal li żgur li se jkunu qed isibu xi ħaġa li tkun tajba għaż-żewġ pajjiżi.
Aktar kmieni iċ-Ċina kienet ħabbret tariffi ta’ 84% fuq prodotti Amerikani li jidħlu fil-pajjiż Ażjatiku. Dan apparti r-restrizzjonijiet imposti fuq diversi kumpaniji Amerikani li fost affarijiet oħra jżommu lid-diriġenti tagħhom milli jidħlu fiċ-Ċina jew jinvestu fil-pajjiż.