Ġie inawgurat Ġnien Victor Calvagna fil-Mosta, f’ġieħ il-memorja tal-konsulent fil-pedjatrija, maħbub minn bosta, li miet traġikament fl-erbgħa ta’ Jannar li għadda wara inċident tat-traffiku.
Dan il-ġnien inbena fuq art ta’ erbat elef metru kwadru li kienet abbandunata u lesta għall-iżvilupp, iżda minflok inbidlet f’żona fejn il-familji jkunu jistgħu jqattgħu l-ħin flimkien għad-dell tas-siġar.
Bint it-tabib Victor Calvagna, Rebecca, stqarret kif tinsab onorata li dan il-ġnien se jkun qed jieħu isem missierha. Tkellmet dwar kif, minħabba li tgħix barra minn Malta, ma kellhiex wisq ċans tgawdi lil missierha, iżda mumenti bħal dawn iġegħluha tapprezza u tgawdi l-memorja tiegħu.
Hija qalet ukoll li, b’dan il-ġnien, se tibqa’ tħoss aktar il-preżenza ta’ missierha.
“Peress li qiegħda hawn, inħoss li l-preżenza tiegħu hawn qiegħda u qiegħda magħna, u se tibqa’ magħna għal dejjem.”
Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm il-Ministru responsabbli mill-Ambjent, Miriam Dalli, li qalet li dan il-ġnien huwa parti minn wiegħda tal-manifest elettorali Laburista li permezz tagħha aktar spazji jingħataw lura lill-komunitajiet.
Spjegat ukoll li dan il-ġnien inbena b’materjal sostenibbli, B’hekk, il-Gvern qed iwettaq dak li wiegħed filwaqt li qed iżomm il-prinċipju tas-sostenibbilità fiċ-ċentru tal-ħidma tiegħu.
Is-Sindku tal-Mosta, Chris Grech, laqa’ b’sodisfazzjon il-ftuħ tal-ġnien, u nnota li dan ifisser li l-Mostin issa għandhom spazju ieħor fejn jistgħu imorru jqattgħu l-ħin flimkien f’pulmun aħdar.
“Dan il-ġnien, li kien jintuża minn Ċikku Fenech, huwa ġnien li qiegħed f’żona fabbrikabbli, u l-fatt li issa għandna din l-aħbar li minn żona fabbrikabbli issa huwa spazju miftuħ u ġie rranġat biex ikun spazju miftuħ għall-Mostin kollha, hija aħbar tajba ferm. L-ewwel ħaġa, mhux se jkun hawn bini u dawn is-siġar taż-żebbuġ se jiġu priservati.”
Ġnien Victor Calvagna nbena permezz ta’ fondi mill-Fond Soċjali għall-Iżvilupp Nazzjonali.