Fit-tieni anniversarju mill-mewt tal-mibki Dr Victor Calvagna, li kien konsulent fil-pedjatrija, Puttinu Cares ippubblikaw ritratt tiegħu bħala memorja fuq Facebook, u kitbu kif minkejja li għaddew sentejn minn meta ħalla din id-dinja, il-preżenza tiegħu tinħass magħhom il-ħin kollu.
Dr Calvagna ħalla din id-dinja fl-4 ta’ Jannar tal-2022, ġimgħa wara li ddaħħal l-Isptar Mater Dei għall-kura wara li kien involut f’inċident stradali, meta ttajjar minn vettura waqt li kien qed jiġri biswit l-Akkwarju Nazzjonali fil-Qawra.
Huwa jibqa’ mfakkar għall-umiltà li kienet tikkaratterizzah, u għall-mod ta’ kif dejjem ta ħinu għat-tfal morda u għall-ġenituri tagħhom, li tant kien iħobb.
Meta tħabbret il-mewt tiegħu, kienu ħafna li kitbu kif dan it-tabib mhu se jintesa qatt u li l-ebda kliem mhu biżżejjed biex jiddeskrivi l-ġid li għamel, speċjalment fil-ħajja ta’ ħafna tfal morda.