Il-preżenza tal-bniedem f’Malta hi eqdem milli konna naħsbu sal-lum il-ġurnata u l-kaċċaturi-ġabbara qasmu l-Mediterran ħafna qabel il-wasla tal-ewwel bdiewa.
Dawn is-sejbiet arkeoloġiċi huma riżultat ta’ proġett, immexxi mill-Professur Eleanor Scerri mill-Istitut għall-Ġeoantropoloġija fil-Ġermanja u mill-Professur Nicholas Vella mid-Dipartiment tal-Klassiċi u Arkeoloġija fl-Università ta’ Malta.
Din ġiet ippubblikata l-ewwel fil-magażin rinomat internazzjonali Nature. https://www.nature.com/articles/s41586-025-08780-y
Waqt konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat li, fuq medda ta’ ħames snin, l-istudju wera li kien hawn preżenza umana fuq artna mill-inqas 8,500 sena ilu u li dawn in-nies kienu jgħixu fuq dieta ta’ ikel selvaġġ, magħmula, fost l-oħrajn, minn għasafar, mammiferi tal-baħar, ħut u speċi lokali ta’ fkieren u ċriev.

Warajhom ħallew fuklari u depożiti ta’ rmied, li fihom jirriżulta li kien hemm fdalijiet tal-ikel imsajjar, u għodod tal-ġebel.
Sadanittant, madwar 7,500 sena ilu, waslu Malta l-ewwel bdiewa u sabu ambjent, li kien għadu ma ntmessx mill-bniedem, anke jekk fi żminijiet aktar qabel kien hawn preżenza ta’ annimali strambi għal pajjiżna, bħal ippopotami nani.
Dan kollu joħroġ mir-riċerka u l-iskavi fl-Għar tal-Latnija, fil-limiti tal-Mellieħa, fejn saru l-iskoperti arkeoloġiċi li issa tawlu l-preistorja ta’ Malta b’madwar elf sena.
Intqal li l-kaċċaturi-ġabbara użaw il-ġebla lokali biex jagħmlu l-għodod tal-ħaġar.
Dawn l-iskoperti ikomplu jżidu l-mistoqsijiet dwar l-oriġini ta’ dawn il-kaċċaturi-ġabbara bħala l-ewwel antenati tal-Maltin.
Ir-riċerkaturi jaħsbu li dawn ġew minn Sqallija, għax hija l-eqreb art. Madankollu, biex jaslu Malta, kien se jkollhom jaqsmu medda ta’ 100 kilometru ta’ baħar miftuħ.
Studji riċenti sabu preżenza tal-antenati tal-kaċċaturi-ġabbara Ewropej fid-DNA ta’ wħud mill-ewwel bdiewa fl-Afrika ta’ Fuq u, sal-lum, ma kienx hemm spjegazzjoni għal din il-preżenza.
Dawn ir-riċerkaturi sostnew li post Malta fil-preistorja Neolitika hu wieħed insulari ħafna u tpoġġi lil pajjiżna fl-għeruq tal-istorja tal-bniedem.