Piers Morgan ta r-riżenja tiegħu mill-programm popolari Ingliż ‘Good Morning Britain’ wara sensiela ta’ kummenti li għadda dwar Meghan Markle wara l-intervista li din għamlet ma’ Oprah Winfrey il-Ħadd li għadda.
B’hekk dan il-preżentatur kontroversjali temm karriera ta’ sitt snin.
L-istazzjon ITV ħabbar din id-deċiżjoni wara li l-Ofcom, li huwa l-Uffiċċju tal-Komunikzzjoni li kien qed jinvestiga dawn il-kummenti qal li rċieva madwar 41,000 ilment, dwar il-kummenti li Morgan għadda fuq id-Dukessa ta’ Sussex.
Fuq Twitter, Morgan it-Tnejn li għadda, qal li ma jemminx kelma minn dak li qalet Meghan Markle fl-intervista dwar is-saħħa mentali tagħha.
Żied jgħid li rrifletta fuq l-opinjoni tiegħu u xorta waħda baqa’ tal-istess fehma.
Kelliem għall-ITV qal li wara bosta diskussjonijiet, Piers Morgan iddeċieda li issa huwa ż-żmien li jħalli dan il-kapitlu warajh, bl-istazzjon ITV jaċċetta din id-deċiżjoni.
L-istazzjon ITV ikkonferma li t-tluq tiegħu se jidħol fis-seħħ b’mod immedjat iżda għadu mhux magħruf min ser ikun qed jeħodlu postu fix-xhur li ġejjin.