Il-kumpanija Nazzzjonali tat-Teatru, Teatru Malta, nediet il-programm tal-istaġun il-ġdid tagħha għall-ħarifa u x-xitwa li ġejjin. Dan hu l-ewwel programm minn wara li faqqgħet il-pandemija, u fi kliem id-Direttur Artistiku Sean Buhagiar se jgħaqqad anke l-wirt tal-gżejjer Maltin.
Huwa spjegalna: “Għandna ħafna proġetti fuq Oliver Friggieri, Manoel Dimech, Tony Drago. Hemm workshops u inizjattivi oħra. Aħna l-kumpanija Nazzjonali tat-Teatru, għan-nies hemm barra. Inħeġġeġ biex jidħlu fuq is-sit u jaraw kif it-teatru se jerġa’ jibda jasal għandhom.”
Buhagiar ħabbar ukoll li fl-aħħar ta’ Ottubru, Malta se tilqa’ l-Konvenzjoni Ewropea għat-Teatru fejnprofessjonisti minn teatri pubbliċi madwar l-Ewropa se jiddiskutu l-preżent u l-futur tat-teatru.
Huwa sostna: “Il-European Theatre Convention hija l-akbar għaqda ta’ teatri pubbliċi fl-Ewropa. Issa ġejjin Malta għall-ewwel konferezna sħiħa waqt il-pandemija biex jiddiskutu l-preżent u l-futur tat-teatru, u se jkun preżentat fil-Future of Europe Conference. Il-futur tat-teatru se jkun diskuss f’Malta u dan se jpoġġina fuq l-akbar pjattaforma internazzjonali li qatt konna fuqha.”
Il-Ministru għall-Arti José Herrera fisser l-importanza ta’ dan il-qasam, li fi kliemu jaf ikun l-aqwa mod kif l-attività ekonomika u soċjali tirpilja wara l-pandemija.
Huwa stqarr: “Jiena impressjonat ħafna bil-programm, li se jkompli jgħin lil Malta toħroġ mill-COVID. Biex int tkattar l-ekonomija, naħseb il-qasam kulturali u l-aqwa għaliex joħloq feel-good-factor, in-nies toħroġ mid-dar u tiġġenera attività ekonomika u soċjali.”