Konferenza bit-tema ‘Parental well-being for mothers and fathers’, bħala parti mill-Istrateġija ‘Positive Parenting Strategy, Positive Parenting Malta’, ittrattat il-fatt kif waħda minn kull ħames ommijiet jiffaċċjaw sfidi ta’ saħħa mentali qabel u wara t-twelid ta’ wliedhom, filwaqt li madwar għaxra fil-mija tal-missirijiet jesperjenzaw anzjetà jew dipressjoni.
B’kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Politika Soċjali u Drittijiet tat-Tfal u l-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, ġie spjegat kif minn żewġ studji li saru fl-aħħar ħames snin ma’ ommijiet qabel it-twelid u wara t-twelid, ħareġ li għajnuna ta’ psikoterapija għamlet differenza sinifikanti fil-kura tas-saħħa mentali tagħhom.
Fi studju li sar ukoll ma’ missirijiet, li kellhom bżonn l-għajnuna, ħareġ li t-terapija tal-familja pprovdiet ukoll riżultati tajbin.

Il-Ministru Jo Etienne Abela saħaq li ċ-ċavetta għal kwalità ta ħajja aħjar hi dejjem il-prevenzjoni.
“L-istudji qed jikkonfermaw li meta jkun hemm interventi ta’ psikoterapija mogħtija minn family therapists u midwives speċjalizzati, ikun hemm inqas rikors għal trattament iktar serju. Hawnhekk qed naraw li l-prevenzjoni, is-sbuħija tal-prevenzjoni, biex nevitaw problemi ta’ saħħa mentali serji.”
Il-Ministru, Jo Etienne Abela

Ruth Sciberras, il-Kap Eżekuttiv tal-aġenzija Sapport, qalet li f’dan l-istudju ħareġ li, għal kull ewro investit f’terapija minn kmieni, dan il-pajjiż ikun qed jiffranka bejn ħamsin u ħamsa u ħamsin ewro f’servizzi meħtieġa iżjed ’il quddiem.
“L-imħabba trid tkun dejjem hemm u r-relazzjoni tal-ġenituri. Ir-relazzjoni tal-ġenituri, qed insibu anke b’riċerka li tant hi importanti, għax dik se jkollha effett anke fuq it-trobbija tat-tfal u, għalhekk, aħna nemmnu ħafna ħafna li nagħtu din l-għajnuna minn kmieni kemm jista’ jkun anke meta l-ġenituri jkunu qed jistenenw tarbija u anke wara.”
Ruth Sciberras, Kap Eżekuttiv, Sapport