Stqarrija maħruġa mill-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali tgħid kif il-Kap tal-Oppożizzjoni jkompli bil-pressjoni u l-attakki tiegħu fuq l-istituzzjonijiet, biex b’xi mod jipprova jara li tgħaddi tiegħu, pressjoni u għebusija tar-ras li qed isiru perikolużi u mhux juru la libertà u lanqas fiduċja fil-kapaċità tal-Korp tal-Pulizija.
Għal darb’oħra, Simon Busuttil reġa’ għażel diskorsi isteriċi li huma sintomatiċi ta’ politiku ddisprat, qal il-Ministeru.
L-istqarrija tgħid li huwa baqa’ għaddej bl-attakki u tgħajjir fuq l-istituzzjonijiet, prominenti fosthom, il-Korp tal-Pulizija kif ukoll attakki personali fuq il-Kummissarju Lawrence Cutajar. Dan wara li l-Gvern preċedenti mmexxi mill-Partit Nazzjonalista, li Simon Busuttil issa huwa l-kap tiegħu, għal 25 sena ħarab milli jagħmel it-tibdil u l-investiment tant meħtieġ fil-Korp tal-Pulizija.
Hija ħasra li l-appelli biex Simon Busuttil ikun serju u fattwali qed ikomplu jaqgħu fuq widnejn torox. Dan ikompli jikkonferma kemm Dr Busuttil qed isir ta’ theddida serja għad-demokrazija, sostna dan il-Ministeru.
Il-Ministeru qal li filwaqt li Simon Busuttil se jibqa’ mehdi fl-attakki tiegħu mmirati biex inaqqsu l-fiduċja fl-istituzzjonijiet, dan il-Gvern se jkompli għaddej bil-ħidma pożittiva tiegħu, inkluż fil-Pulizija, ħidma li tara Pulizija aktar imħarrġa, mgħammra, b’tibdil fl-istrutturi għal Korp iżjed modern, bl-għan aħħari jkun it-titjib fis-servizz.
L-istqarrija temmet tgħid li dwar dak li qed ikun allegat mill-ġurnal MaltaToday, diġà ntqal mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru li ser issir inkjesta indipendenti ordnata mill-Prim Ministru. Iżda, wara attakki personali mmirati fuq il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela dwar dan, Abela jrid jiġbed l-attenzjoni, li fl-isteriżmu u d-disprament tiegħu, Simon Busuttil ma ndunax li l-allegat każ seħħ xhur qabel il-Ministru attwali u l-Kummissarju preżenti kienu fil-karigi rispettivi tagħhom.