Nuqqas ta’ viżjoni għall-futur u b’perjodu twil ta’ inattività.
Huwa dan is-sens ta’ apatija li kompla jiġi nnutat fil-Partit Nazzjonalista f’editorjal tal-Maltatoday.
Bit-titlu ‘The PN’s waning influence’, l-editur tal-Maltatoday irrefera għal-laqgħa taħraq ta’ ftit tal-jiem ilu tal-grupp parlamentari Nazzjonalista, li dwarha l-istess gazzetta żvelat dettalji ta’ kif il-firda fil-partit ta’ Bernard Grech ma trid tispiċċa qatt.
F’dik il-laqgħa li saret wara li l-Kap Nazzjonalista għamel dak li qalulu nies bħal Beppe Fenech Adami u daħħal fix-shadow cabinet deputati ta’ GonziPN bħal Chris Said, numru ta’ Deputati Nazzjonalisti komplew ipoġġu pressjoni fuq Grech u għaddewlu l-messaġġ li iktar milli x’se jagħmlu huma, aħjar jara x’se jagħmel hu.
L-editur tal-Maltatoday jirrimarka li Grech spiċċa attakkat minn ġewwa dwar kif jipprova iwassal il-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista għall-pajjiżna.
“Ħafna jsaqsu fejn hi l-marka tal-Partit Nazzjonalista taħt Bernard Grech fuq l-aġenda nazzjonali”, jgħid l-editorjal li nnota kif fil-laqgħa tal-grupp parlamentari, Deputati Nazzjonalisti sfidaw lil Grech għal dik meqjusa bħala tmexxija dgħajfa.
“Il-messaġġ mill-votanti lill-Partit Nazzjonalista huwa li m’aħniex interessati”, ikompli jgħid l-editur filwaqt li jikteb li minkejja kollox, b’kuntrast għall-Partit Nazzjonalista, il-Partit Laburista ġab il-bidliet billi jwieġeb għar-realtajiet tan-nies fosthom bl-emenda legali għall-protezzjoni tal-mara f’każ ta’ kumplikazzjonijiet mediċi waqt it-tqala u anki żamm b’saħħtu s-sistema soċjali ta’ pajjiżna fi żmien ta’ pandemija u lil hinn.
Il-messaġġ li l-Partit Nazzjonalista qed jimbotta lin-nies flok jiġbidhom lejh anki nnutah il-kartun tas-Sunday Times.
Intant fil-laqgħa mqanqla tal-grupp parlamentari Nazzjonalista li għaliha jagħmel referenza l-editorjal, spikkaw iż-żewġ fazzjonijiet, waħda ta’ favur Bernard Grech u oħra li qed timponi x’għandu jagħmel il-Kap biex it-tmexxija tiegħu tinħass iżjed.
Fost l-iktar voċiferi kontrih kien hemm id-Deputat Joe Giglio, li ftit wara l-laqgħa, fil-preżenza tal-istess Kap f’konferenza tal-aħbarijiet ikkonferma li l-laqgħa kienet waħda taħraq u b’diskors ta’ min wieħed għandu jiżen kull kelma, irrimarka li r-rapport tal-Maltatoday fuq il-laqgħa mimlija ġlied kien fih il-verità.
Joe Giglio: “Matthew ir-rappurtaġġ li qed tirreferi għalih ma kienx kompletament korrett.”