Intemmet waħda u bdiet oħra. Il-bidu ta’ Lulju mmarka l-bidu ta’ Presidenza ġdida tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Malta għaddiet it-tmun tal-Presidenza f ’idejn l-Estonja, pajjiż Baltiku li bħal Malta qed jassumi r-responsabilità tal-Presidenza għall-ewwel darba hekk kif dan il-pajjiż kien issieħeb fl-Unjoni Ewropea flimkien ma’ Malta fl-2004.
Wara l-Prim Ministru Malti Joseph Muscat, dak Estonjan issa huwa l-President tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt nhar il-Erbgħa li ġej il-Prim Ministru tal-Estonja Jüri Ratas se jkun fi Strasburgu biex jindirizza l-plenarja tal-Parlament Ewropew u hemmhekk mistenni jispjega l-prijoritajiet ewlenin għas-sitt xhur li ġejjin.
Fost il-prijoritajiet li Ratas iddiskuta mal-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker hemm riforma fil-moviment ħieles tad-data u t-tiġdid ta’ strateġija dwar is-sigurtà fuq l-internet. Il-Presidenza tal-Estonja mistennija wkoll tiffoka fuq kwistjonijiet soċjali li jolqtu direttament liċ-ċittadini Ewropej u l-politika Ewropea għad-difiża.
Ma jonqsux kwistjonijiet oħra bħat-tibdil fil-klima, l-immigrazzjoni, is-sigurtà u t-tkabbir ekonomku li wkoll se jkunu fuq l-aġenda Ewropea sa tmiem din is-sena. Għalhekk issa li bdiet Presidenza ġdida, l-attenzjoni ddur minn fuq il-Belt Valletta għal kapitali tal-Estonja, Tallin.