L-ikbar sfida għal Presidenza Awstrijaka tal-UE se tkun dik li tnaqqas id-differenzi bejn l-Istati Membri u fl-istess waqt iżżomm koerenza politika Ewropea, qal Alfred Sant fil-Parlament Ewropew waqt id-dibattitu “Preżentazzjoni tal-programmi tal-attivitajiet tal-Presidenza Awstrijaka.”
Dr Sant qal li f’ħafna oqsma politiċi, id-diverġenzi qed jiżdiedu. Dan qed jiġri żgur bejn ir-reġjuni tan-Nord u s-Sud tal-Unjoni f’affarijiet ekonomiċi; Ir-regoli operazzjonali taż-żona ewro żiedu dawn id-differenzi. In-nuqqas ta’ qbil bejn il-punent u l-lvant ħarġu ċari, mmexxija mill-kriżi tal-immigrazzjoni, differenzi ekonomiċi li dejjem qed jiżdiedu u filosofiji differenti ta’ governanza. L-impenn tal-Awstrija ser ikun ibbażat fuq it-tisħiħ tal-prinċipju tas-sussidjarjeta`.
“Naqbel li bl-involviment ta’ aktar awtoritajiet nazzjonali u lokali, id-diverġenzi jistgħu jiġu trattati aħjar. Iżda l-istituzzjonijiet Ewropej ma għandhomx ikollhom inqas jew iżjed poteri u responsabbiltajiet minn dawk definiti mit-Trattati. Bit-tqegħid tal-koeżjoni soċjali u ekonomika bħala prijorita`, il-presidenza Awstrijaka tista’ tgħin biex issib il-bażi għal konsolidazzjoni effettiva għat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE qabel l-elezzjonijiet tal-UE tas-sena d-dieħla.” qal il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew.
Il-Kanċillier Awstrijak Sebastian Kurz ippreżenta lill-Parlament Ewropew il-prijoritajiet tal-Presidenza Awstrijaka li bdiet fl-1 ta’ Lulju u għandha sal-aħħar ta’ Diċembru 2018. Il-prijoritajiet imfassla mill-gvern Awstrijak għal presidenza tal-UE bl-islogan “Ewropa li tipproteġi” huma s-sigurta`, il-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali, inżidu l-kompetittivita` permezz tad-diġitalizzazzjoni u l-promozzjoni tal-istabilita` fil-pajjiżi ġirien tal-UE.