Hekk kif ninsabu biss erbat ijiem il-bogħod mill-festa ta’ solidarjetà L-ISTRINA, il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca flimkien mar-rapreżentanti tal-Malta Community Chestfund qegħdin iżuru diversi bliet u rħula Maltin u Għawdxin bil-għan li jinġabru l-fondi b’risq min hu fil-bżonn.
Fl-iqsar jum tas-sena, l-President qasmet il-fliegu fejn għamlet żjara fix-Xewkija, l-Qala, n-Nadur kif ukoll fiż-Żebbuġ Għawdex- fejn hawnhekk ġew ippreżentati d-donazzjonijiet li nġabru mill-imsemmija lokalitajiet.
Tul il-jum as-Sibt il-President ser tkun qed tkompli ddur il-lokalitajiet f’Għawdex fejn illum ser tkun qeda f’Kerċem, il-Belt Victoria, fl-Għasri u l-Għarb. Matul il-jum tal-Ħadd, il-President ser tkun qegħda x-Xagħara, s-Sannat, l-Fontana, l-Munxar, f’San Lawrenz kif ukoll f’Għajnsielem.