Waqt l-indirizz tiegħu ta’ kull filgħaxija, il-President Ukren Volodymyr Zelensky faħħar lill-Ukreni għax-xogħol tagħhom wara ħamsin jum ta’ gwerra. Huwa qal li l-Ukreni għandhom ikunu kburin li fl-24 ta’ Frar li għadda ħadu l-akbar deċiżjoni f’ħajjithom, dik li jiġġieldu.
Qal ukoll li jiftakar kif fl-ewwel jum tal-invażjoni mit-truppi Russi, l-mexxejja tal-Punent tawh parir biex jaħrab mill-Ukrajna, però huwa żied jgħid li ħadd ma kien jaf kemm huma kuraġġużi l-Ukreni u kemm iridu li jkollhom il-possibilità li jgħixu kif iridu.
Zelensky ta lista estensiva ta’ kif l-Ukreni għenu biex jerġgħu jiħdu f’idejhom diversi reġjuni tal-pajjiż u rringrazzja lil kull min ta l-kontribut tiegħu għall-għadma iebsa li r-Russi sabu mil-Ukreni.